L-istatwi tat-Tritoni se jiġu restawrati f’intervent estensiv

L-istatwi tat-Tritoni bdew vjaġġ ta’ 1,300km għal Firenze biex jiġi restawrati f’intervent estensiv.
Fi stqarrija l-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura qal li l-ewwel irid jitnaddaf il-konkos li kien intefa’ fil-figuri tal-bronż biex jiġu ankrati mal-bini tal-funtana, imbagħad jibda xogħol ta’ restawr fuq ix-xquq u l-qsim li hemm fil-bronż.
Il-partijiet tal-bronż se jitnaddfu minn ġewwa u minn barra qabel ma jiġu mgħaqqda flimkien.
Fin-nofs ta’ kull figura tal-bronż se jinbena qafas tal-azzar li jibda mill-bażi u jibqa’ tiela’ sa driegħ il-figura biex jieħu l-piż tal-plattin u biex jiġu evitati ħsarat fl-ispallejn tal-figuri kif kien seħħ fil-passat. 
Wara jkun għad jonqos l-aħħar fażi fejn il-bronż jingħata patina u kisja ta’ xema’ mikrokristallina, li hi kisja protettiva biex tissiġilla l-pori tal-bronż.
Dan ikun l-aħħar xogħol fuq l-istatwi qabel jiġu lura Malta.
Ritratt: MTI