L-istatwi tal-Patruni ta’ Għawdex jinħarġu min-niċċa biex iħarsu lill-pajjiż

Ritratt: Wallace Camilleri

Il-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria ħarġet min-niċċa l-istatwa titulari tal-Patrun ta’ Għawdex San Ġorġ, filwaqt li l-Katidral ta’ Għawdex ħareġ ix-xbieha ta’ Sant’Ursola Verġni u Martri, Kopatruna ta’ Għawdex li tqiegħdet fuq l-altar maġġur.

Dan wara s-sejħa li saret lis-saċerdoti minn Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, il-ġimgħa li għaddiet, biex “f’din is-siegħa delikata li għaddej minna pajjiżna nsejħu l-patroċinju tal-Omm tagħna l-Madonna Ta’ Pinu u tal-qaddisin San Ġorġ, Sant’Ursula u l-Papa San Girgor”.

B’hekk il-poplu mħeġġeġ biex jirrikorri għal talb votiv għall-ħarsien kontra t-tixrid tal-coronavirus.

Din mhix l-ewwel darba fl-istorja li l-istatwi taż-żewġ qaddisin inħarġu flimkien f’purċissjoni biex isir talb votiv.

Il-Knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ kienet reġgħet inbniet fl-1678 bħala radd il-ħajr lil San Ġorġ talli Għawdex inħeles mill-pesta li kienet laqtet lil Malta tliet snin qabel. Mill-ġdid fl-1813, l-Għawdxin talbu lil San Ġorġ jeħlishom mill-marda qerrieda.

L-istess statwa titulari ta’ San Ġorġ (1838) ukoll hija “ex-voto” wara l-epidemija tal-kolera tal-1837. U meta l-istess virus tfaċċa mill-ġdid fl-1865, in-nies talbet mill-ġdid l-interċessjoni ta’ San Ġorġ. F’bosta okkażjonijiet oħra matul l-istorja ta’ pajjiżna, l-istatwa ta’ San Ġorġ inħarġet apposta fil-knisja biex sarlu talb speċjali: fl-1846, l-1877, l-1881, l-1885 u l-1923 ittieħdet ukoll f’pellegrinaġġi penitenzjali lejn il-Knisja tal-Kapuċċini b’talb għax-xita; fil-25 ta’ Lulju 1940 ix-xbieha nħarġet għall-qima għal xahar sħiħ minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija, u l-Isqof Gonzi rrakkomanda t-talba msemmija, waqt f’Jannar 1972 reġgħet inħarġet minħabba l-kriżi politika f’pajjiżna.

Il-Parroċċa ta’ San Ġorġ qed tħeġġeġ ukoll biex, flimkien mat-talb ħerqan, fl-ispirtu penitenzjali tar-Randan, il-fidili Nsara jagħtu karità li tmur speċifikament għall-għajnuna tal-morda u l-familji tagħhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn