L-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima tintbagħat Ruma fuq xewqa tal-Papa

Fl-Okkażjoni tal-Jum Marjan li se jkun qed jiġi ċċelebrat fit-13 ta’ Ottubru li ġej fil-Vatikan, il-Papa Franġisku wera x-xewqa li f’ Ruma tinġieb l-istatwa devota tal-Madonna ta’ Fatima li tinsab fil-Bażilika tal-Madonna tar-Rużarju ġewwa Fatima.

F’ittra indirizzata lill-Isqof tad-djoċesi ta’ Leira ġewwa Fatima, Antonio Marto, il-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni ta’ Evanġelizzazzjoni Ġdida, il-Kardinal Rino Fisichella qal li l-Papa nnifsu għandu xewqa kbira li għal dan il-Jum Marjan ikun hemm preżenti waħda mill-iktar xbiehat sinifikanti għall-insara madwar id-dinja u għalhekk ħaseb fl-istatwa tant maħbuba u devota tal-Madonna ta’ Fatima.

Fl-istess ittra, il-Kardinal Fisichella stieden lill-entitajet ekklesjastiċi ta’ spiritwalità Marjana għal din il-Ġurnata fejn fit-12 ta’ Ottubru se jsir pellegrinaġġ għall-qabar ta’ San Pietru u l-għada l-Papa Franġisku jqaddes Quddiesa fil-Pjazza tal-Vatikan.