Irrestawrata l-istatwa tal-Madonna ta’ Ħal Għaxaq

DOI - Kevin Abela

L-istatwa tal-Assunzjoni tal-Madonna li tinsab fil-pjazza prinċipali ta’ Ħal Għaxaq ġiet restawrata.

Fi stqarrija, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li permezz tal-ħidma li qed issir il-preservazzjoni u l-ħajja ta’ monumenti sinifikanti qed jiġu żgurati. Bonnici qal li din ix-xbieha tal-Madonna għandha aktar minn mitt sena u għandha sinifikat kulturali u tradizzjonali li hu għal qalb bosta Maltin.

Ix-xogħlijiet ta’ restawr bdew għal ħabta ta’ nofs Ġunju. L-ewwel fażi tax-xogħol fuq is-sit kienet tinvolvi t-tneħħija ta’ legi ta’ żebgħa pjuttost riċenti li kienu preżenti u li kien sarilhom il-ħsara. Dawn ix-xogħlijiet kixfu l-kuluri antiki u probabbilment oriġinali tal-istatwa. Instabu traċċi ta’ żebgħa tal-ġir kulurita f’diversi partijiet. Din l-iskema ta’ kuluri oriġinali u t-tipoloġija taż-żebgħa oriġinali reġgħu ġew adottati fix-xogħol tar-restawr li sar.