Wara restawr minħabba vandaliżmu, l-istatwa ta’ San Tumas tintlaqat minn krejn

Aġġornat 12:23 PM
Frederick Aquilina / Facebook

Statwa ta’ San Tumas fiċ-ċimiterju ġo Ħal Luqa li jġib isem l-appostlu sofriet ħsarat meta ntlaqtet minn krejn li qed jagħmel xogħol għall-Enemalta.

L-istess statwa kienet ġiet irrestawrata riċentement minħabba att vandalu.

Il-Kunsillier Frederick Aquilina għall-ewwel irrapporta l-ħsarat bħala att vandalu ieħor, però kkonferma aktar tard li kienu kkaġunati minn krejn.

Skont l-informazzjoni li giet moghtija mis-Sindku pubblikament dalghodu, l-istatwa ta’ San Tumas ma gietx ivvandalizzata…

Posted by Frederick Aquilina on Monday, November 2, 2020

Qal li diġà ttieħdu passi fuq dan l-inċident, anke jekk bħala kunsillier qatt ma kien informat b’dak li ġara: skoprieh biss għal għarrieda waqt li kien għaddej mit-triq.

“Fl-opinjoni tiegħi l-kunsilliera u r-residenti kellhom ikunu mgħarrfa b’din l-informazzjoni mill-Kunsill,” qal Aquilina, filwaqt li skuża ruħu għall-informazzjoni żbaljata.

Ix-xahar li għadda sar vandaliżmu simili fuq l-istatwa ta’ Sant’Antnin fil-Family Park.

Kienu ġew arrestati tliet żgħażagħ b’rabta mal-każ, imma tnejn minnhom ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li nstab li ma kinux huma li qalgħu r-ras minn mal-istatwa, imma huma sabuha maqlugħa.