L-istatwa ta’ Manwel Dimech fuq pedestall fi Pjazza Kastilja

Il-proġett tar-riġenerazzjoni ta’ Pjazza Kastilja riesaq lejn it-tmiem.
Il-Ħamis filgħodu, l-monument ta’ Manwel Dimech reġa’ sab postu faċċata ta’ Kastilja f’post iżjed ċentrali u fuq pedestall ġdid.
Jinkludi wkoll tinqix li jfakkar l-aktar xeni importanti ta’ ħajtu fosthom l-eżilju.
L-għażla tax-xeni, li huma xogħol l-iskultur Chris Ebejer, kienet ibbażata fuq il-ħsieb ta’ Anton Agius, li iskultur li ħadem il-monument ta’ Dimech.
Ebejer wettaq it-tinqix wara li ngħata l-permess minn ulied Gilardo Azzopardi, li kien responsabbli mit-twaqqif tal-monument ta’ Dimech fl-1976.
Fid-disinn tal-pedestall kellu sehem ukoll il-Perit Claude Mallia.
Min-naħa l-oħra l-monument tal-eks Prim Ministru George Borg Olivier tpoġġa fil-ġranet li għaddew u tqiegħed fuq l-assi tal-Borża ta’ Malta.
Il-proġett ta’ Pjazza Kastilja beda f’Marzu li għadda taht id-direzzjoni tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, Transport Malta u l-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, bix-xogħol tal-pavimentar tal-pjazza ntemm.
Fil-jiem li ġejjin se jkompli x-xogħol tal-installazzjoni tal-fanali u l-uċuh tal-fosos. Għaddej ukoll xogħol fuq l-installazzjoni tad-dawl.