L-istatut tal-PL jorbot idejn il-PM

Read in English.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li Chris Fearne mexa kif suppost meta ta struzzjonijiet lix-xufier tiegħu biex ineħħilu l-affarijiet personali mill-uffiċċju fil-Ministeru tiegħu. L-istess sorsi spjegaw li b’hekk ministri oħra, huma fl-iżball.

Madanakollu, filwaqt li l-Kostituzzjoni tagħti libertà assoluta lill-Prim Ministru biex jaħtar lil min irid hu fil-kabinett tiegħu, l-Istatut tal-Partit Laburista jimponi fuq Prim Ministru Laburista kif għandu jinħatar id-Deputat Prim Ministru.

Il-Kostituzzjoni tagħti d-drittijiet kollha lill-Prim Ministru

Wara li Robert Abela ġie elett bħala l-mexxej tal-Partit Laburista fil-Gvern, il-pajjiż issa jistenna l-ħatra tal-kabinett. Minkejja li din tista’ tkun reshuffle ħafifa jew kbira skont l-għażla tal-Prim Ministru l-ġdid, definittivament li jrid jaħtar Ministru għat-Turiżmu, li ilu vakanti mir-riżenja ta’ Konrad Mizzi.

Madanakollu, daqqa t’għajn lejn il-Kostituzzjoni turi li mhux dan il-portafoll biss huwa vakanti. Il-Kostituzzjoni tagħmilha ċara li “l-uffiċċju ta’ ministru… jiġi vakanti (a) mal-ħatra jew ħatra mill-ġdid ta’ kwalunkwe persuna fl-uffiċċju tal-Prim Ministru” (Kostituzzjoni ta’ Malta, Art 81 (3)). Dan ifisser li, fil-mument li Robert Abela jsir Prim Ministru, il-kabinett kollu jiġi vakanti awtomatikament. Ifisser ukoll li l-ministri ma jibqgħux ministri u lanqas jistgħu jaġixxu bħala ministri caretakers.

Il-Kostituzzjoni hija preċiża ħafna bil-kliem “jiġi vakanti” li jfisser li l-ministri m’għandhomx għalfejn jirriżenjaw, għax immedjatament l-uffiċċju tagħhom jiġi vakanti. Dan iseħħ biss wara li Prim Ministru ġdid jieħu l-ġurament tal-ħatra, hekk kif il-ħatra tal-Prim Ministru taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-President tar-Repubblika.

L-Istatut tal-Partit Laburista “jimponi”

Min-naħa l-oħra, il-poteri tal-Prim Ministru l-ġdid huma limitati bl-Istatut tal-partit li jmexxi.

L-Istatut jgħid li “id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet Parlamentari  għandu jservi ta’ deputat Prim Ministru meta l-partit ikun fil-Gvern”. Ir-rwol tad-Deputat Prim Ministru huwa rwol  ta’ konvenjenza u ma jinstabx fil-Kostituzzjoni. Pereżempju, Mintoff, kien ħatar żewġ Deputati Prim Ministri fl-istess ħin. Dawn kienu Dr Joe Cassar u Wistin Abela.

Madanakollu, jekk Fearne ma jirriżenjax mill-pożizzjoni tiegħu fil-partit, huwa diffiċli li l-Prim Ministru Abela ma jaħtrux Deputat Prim Ministru, sakemm ma jinbidilx l-Istatut. Il-Prim Ministru l-ġdid għandu d-dritt kostituzzjonali li jagħmel dak li jemmen li hu l-aħjar, iżda jista’ jkun qed jikser l-Istatut tal-Partit, għalkemm il-Kostituzzjoni hi suprema.