L-istatistika tikkonferma surplus ta’ €84.6 miljun

Il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra surplus ta’ €84.6 miljun bejn Jannar u Novembru ta’ din is-sena.
Meta kkumparat mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, id-dħul tal-Gvern żdied bi €421.4 miljun filwaqt li n-nefqa tal-Gvern żdiedet b’€276.5 miljun.
Iż-żieda fid-dħul tal-Gvern kienet dovuta għal żieda ta’ €149.9 miljun mill-income tax u żieda ta’ €91.4 miljun mill-VAT.
Fl-istess perjodu, in-nefqa rikurrenti kienet ta’ €3,156.4 miljun.
Il-Gvern fi stqarrija laqa’ dan l-iżvilupp pożittiv għall-ewwel ħdax-il xahar tas-sena.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-ekonomija Maltija marret aħjar mill-prospetti li kienu tħejjew fil-bidu tas-sena. Qal ukoll li ż-żieda sinifikanti fil-fond konsolidat kien ir-riżultat ta’ żieda ta’ 12.8% fid-dħul tal-Gvern li kienet ikbar mit-8.3% żieda fin-nefqa.