L-Istati Uniti u t-Turkija jissospendu l-viżi ta’ xulxin

L-Istati Uniti u t-Turkija jinsabu f’battibekk dimplomatiku u ssospendew lil xulxin bosta servizzi tal-viża, u dan wara li l-ġimgħa l-oħra ħaddiem Amerikan fl-Ambaxxata Amerikana f’Istanbul ġie akkużat li għen biex ikun isir il-kolp ta’ stat li falla fit-Turkija s-sena l-oħra.
Filwaqt li l-ambaxxata Torka f’Washington saħqet li hemm bżonn terġa’ taħsibha dwar l-impenn tal-Amerikani fis-sigurtà tal-ħaddiema tagħha, kumment simili għamlitu l-ambaxxata Amerikana f’Ankara.
Sadanittant, l-Istati Uniti qalet li l-akkużi li t-Turkija qed iġġib kontra l-ħaddiem li qed tgħid għen fil-kolp ta’ stat m’għandhom bażi ta’ xejn, u aktar se jiswew biex iħażżnu r-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
It-Turkija ssospendiet is-servizzi kollha tal-viża lil ċittadini Amerikani involuti fil-missjonijiet diplomatiċi u konsulari tagħha fl-Istati Uniti, u dan japplika wkoll għall-isticker visas, viżi elettroniċi u dawk tal-fruntieri.
Min-naħa tagħha, l-Istati Uniti ssospendiet is-servizzi tal-viża għat-Torok li għandhom il-viża mhux immigratorja u jaħdmu fil-faċiltajiet diplomatiċi tagħha fit-Turkija.
Il-viża mhux immigratorja hi dik il-viża li wieħed juża biex iżur l-Istati Uniti għal turiżmu, trattament mediku, negozju, xogħol temporanju jew għall-istudju.
Il-ħaddiem, Fethullah Gulen, huwa Tork.
It-Turkija ilha għal dawn l-aħħar xhur tagħmel pressjoni fuq l-Istati Uniti biex tibgħatilha lil Gulen sabiex tkun tista’ tipproċessah.
Minn sena ’l hawn mindu seħħ il-kolp ta’ stat li kien falla, it-Turkija arrestat mal-40,000 persuna akkużati li għenu biex dan iseħħ, u mal-120,000 oħra tkeċċew minn xogħolhom.
Fir-ritratt: Fethullah Gulen