L-Istati Uniti u pajjiżi oħra fl-UE jkeċċu aktar diplomatiċi Russi

L-Istati Uniti u xi pajjiżi Ewropej alleati tagħhja ftehmu li jkeċċu għexieren ta’ diplomatiċi Russi mill-pajjiż wara l-avvelenar tal-eksspija Russu fir-Renju Unit, Sergei Skripal.
Filwaqt li l-Istati Uniti keċċiet mas-60 diplomatiku, li jkollhom iġorru bil-familji b’kollox, il-Ġermanja, Franza, l-Ukrajna u xi pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea tennew il-mossa.
Sadanittant, ir-Russja qalet li se taġixxi propozjonalment.
Sergei u bintu Yulia Skripal instabu mitlufin minn sensihom f’Salisbury fl-4 ta’ Marzu li għaddew, wara li ġew f’kuntatt ma’ kimika organika li jkun fiha l-fosfru, li l-effett tagħha hu li tipparalizzalek in-nervituri li jgħaddu l-messaġġi lill-organi fil-ġisem.
Ir-Renju Unit waħħal diġà li r-Russja ppruvat toqtol lil dal-bniedem, li fl-2006 kien ikkundannat minn pajjiżu għal 13-il sena ħabs meta nqabad li kien qed jaħdem għall-Ingliżi, iżda ħelisha wara tpartit ta’ ħabsin bejn ir-Russja u l-Istati Uniti.
Ir-Russja dejjem ċaħdet din l-allegazzjoni, iżda r-Renju Unit kompla jsaħħaħ fehemtu wara li ġie kkonfermat li l-kimika li intużat saret fir-Russja.
Min-naħa tagħha, il-kelliema għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Russja, Maria Zakharova, ikkundannat dik li laqqmitha bħala “solidarjetà perversa tal-UE mar-Renju Unit”.
Anki xi mexxejja ta’ pajjiżi fl-UE jemmnu li r-Russja kienet il-moħħ wara dan l-attentat.
Fl-Istati Uniti, 48 diplomatiku mis-60 huma bbażati fl-Ambaxxata Russa f’Washington, il-bqija mill-Kwartieri tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York. Il-Konsulat Russu f’Seattle se jingħalaq.
Anki l-President Ukren, Petro Poroshenko qal li d-deċiżjoni li jkeċċi 13-il diplomatiku ttieħdet fi spirtu ta’ solidarjetà mar-Renju Unit.
Ġimagħtejn ilu r-Renju Unit keċċa 23 diplomatiku Russu.