L-Istati Uniti u l-Kanada joħorġu twissija kontra s-safar lejn iċ-Ċina

A medical official takes the body temperature of a man at the departure hall of the airport in Changsha, Hunan Province, as the country is hit by an outbreak of a new coronavirus, China, January 27, 2020. REUTERS/Thomas Peter

L-Istati Uniti u l-Kanada ħarġu twissijiet kontra s-safar lejn iċ-Ċina. Dan hekk kif issa l-coronavirus wassal għall-mewt ta’ aktar minn 100 persuna.

L-istocks globali waqgħu, il-prezz taż-żejt qed jaqa’, filwaqt li l-munita Ċiniża waslet fl-iktar stat dgħajjef tagħha għall-2020. Dan minħabba li bosta investituri qed jibżgħu mid-dannu li t-tieni l-akbar ekonomija fid-dinja għaddejja minnu kawża tal-virus.

Il-kummissjoni tas-saħħa tal-provinċja ta’ Hubei fiċ-Ċina qalet it-Tlieta li 100 persuna mietu sal-bieraħ kawża tal-virus. Intant in-numru ta’ każijiet konfermati fil-provinċja telgħu għal 2,714.

Fatalitajiet oħrajn ġew irrappurtati f’postijiet oħrajn fiċ-Ċina, inkluż f’Beijing. B’hekk l-għadd ta’ persuni li mietu sa issa tela’ għal 106 skont People’s Daily. Intant, il-ġurnal tal-istat qal li l-każijiet konfermati madwar iċ-Ċina kollha telgħu għal 4,193.

Ilbieraħ, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump offra liċ-Ċina l-għajnuna kollha li għandha bżonn. Dan filwaqt li d-Dipartiment tal-Istat qal li l-Amerikani kollha għandhom jaħsbuha darbtejn jekk bi ħsiebhom iżuru ċ-Ċina minħabba dan il-virus.

Il-Kanada, li għandha żewġ każijiet konfermati ta’ dan il-virus, u li qed tinvestiga 19-il każ ieħor, wissiet liċ-ċittadini tagħha sabiex ma jżurux il-provinċja ta’ Hubei, li tinsab fil-qalba tal-epidemija.