L-Istati Uniti tqaċċat il-baġit tagħha lin-Nazzjonijiet Magħquda

L-Istati Uniti mistennija tnaqqas il-baġit annwali tagħha lin-Nazzjonijiet Magħquda (UN) b$285 miljun, deċiżjoni li tagħlaq sena ta’ tensjoni bejn l-amministrazzjoni tal-President Amerikan, Donald Trump, u l-organizzazzjoni dinjija.
L-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għall-UN, Nikki Haley, ħabbret iċ-ċifra msemmija, li madankollu hi ta’ $85 miljun aktar miċ-ċifra li kien semma s-Segretarju Ġenerali tal-UN, António Guterres, f’Ottubru li għadda.
Ma’ dan żiedet sentenza li titfa’ dawl fuq ir-raġuni għala l-Istati Uniti qaċċtet il-baġit tagħha, “Daqshekk ħallejna lil ħaddieħor japprofitta mill-ġenerożità tagħna”.
L-Istati Uniti hija l-aktar pajjiż li jikkontribwixxi għall-baġit tal-UN, li hu ta’ madwar $5.5 biljun għal kull sentejn.
Kelliema għall-UN ikkonfermat li l-organizzazzjoni dinjija approvat dan it-tqaċċit nhar il-Ħadd li għadda.
Sadanittant, uffiċjal Amerikan qal lill-midja internazzjonali li t-tnaqqis fil-fondi se jkun l-aktar minn fuq immaniġġjar żejjed u servizzi oħra, kif ukoll f’forma ta’ baġits imnaqqsa għal Darfur u Haiti.
Iżda minkejja t-tnaqqis, xorta ġie assigurat li jkun hemm fondi biżżejjed għall-missjonijiet fil-Libja, il-Jemen, il-Kolombja, l-Afganistan u l-Iraq, u se jkun hemm ukoll missjoni speċjali għall-Mjanmar minn dan il-baġit.
It-tħabbira ta’ Haley dwar dan it-tqaċċit fil-baġit ġiet lejlet il-Milied, u jiem wara l-vot li ttieħed fin-Nazzjonijiet Magħquda kontra l-Istati Uniti u d-deċiżjoni tagħha li tirrikonoxxi lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael.
Dakinhar Haley kienet qalet li l-Istati Uniti mhix se tinsa lil dawk il-pajjiżi li vvutaw kontriha.
Malta kienet fost il-128 pajjiż li vvutaw kontra d-deċiżjoni ta' Trump.
Ara minn hawnhekk kemm jallokaw il-pajjiżi kollha għall-baġit tal-UN.