L-Istati Uniti tista’ tibdel ‘radikalment’ is-sistema tat-taxxi f’inqas minn 10 ijiem

Iż-żewġ naħat tal-kungress Amerikan, ilbieraħ ippreżentaw abbozz li jista’ jwassal għal tibdil radikali fis-sistema tat-taxxi tal-pajjiż. Jekk jiġi approvat, dan it-tibdil mistenni jkun l-ikbar tibdil li sar f’dawn l-aħħar tletin sena.
Il-pjan imħejji mill-kungress juri lit-taxxa tal-korporazzjonijiet mistennija tonqos għal 21% minn 35%. Mistenni wkoll li l-għola taxxa fuq id-dħul tinżel għal 37% minn 39.6%.
Fil-kampanja elettorali tiegħu, Trump kien tkellem dwar ix-xewqa li titnaqqas it-taxxa fl-Istati Uniti, u l-approvazzjoni ta’ dan l-abbozz juri s-suċċess tiegħu f’dan l-istadju.
Huwa qal li jixtieq li l-abbozz jibda jifforma parti mil-liġi qabel il-Milied.
Min-naħa l-oħra, id-Demokratiċi saħqu li l-qtugħ fit-taxxi se jkun favur biss is-sinjur, u se joffri ftit li xejn lill-klassi medja.
Il-Kumitat konġunt u mhux partiġġjan fuq it-taxxi qal li dawn il-miżuri mistennija jżidu $1.4 triljun fid-djun nazzjonali matul l-għaxar snin li ġejjin.
Sadanittant, ir-Rappoteur tal-Ġnus Magħquda fuq il-faqar estrem, Philip Alston, qal li jekk dan l-abbozz jiġi approvat mistenni jġib żieda drammatika fl-inugwaljanza fl-Istati Uniti.
Is-Senat u d-Dar tar-Rappreżentati – li t-tnejn għandhom maġġoranza Repubblikana – għandhom jieħdu vot dwar dawn il-mużuri il-ġimgħa d-dieħla.