L-Istati Uniti tikkonferma li l-Korea ta’ Fuq ippruvat missila li tista’ tasal sal-Alaska

L-Istati Uniti kkonfermat li l-Korea ta’ Fuq ittestjat missila ballistika li skont xi esperti tista’ saħansitra tasal sal-Alaska.
Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Rex Tillerson qal li din hi “theddida akbar” għall-Istati Uniti għad-dinja u qal li l-Amerika mhu se taċċeta qatt li tħalli l-Korea ta’ Fuq armata b’armi nukleari.
Ilbieraħ, Pyongyang ikkonfermat li wettqet test ta’ missila ballistika interkontinentali u li dan kien suċċess.
Tillerson qal li hemm bżonn azzjoni globali biex titwaqqaf darba għal dejjem din it-theddida u wissa li kwalunkwe pajjiż li jgħin ekonomikament jew militarjament lill-Korea ta’ Fuq, jew inkella jfalli milli jimplimenta r-reżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, “qed jgħin lil reġim perikoluż ħafna.”
Intant l-Istati Uniti talbet laqgħa b'urġenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda biex ikunu  diskussi l-aħħar żviluppi.
Il-laqgħa, fil-magħluq, mistennija ssir aktar tard illum.