L-Istati Uniti tibda l-proċess biex toħroġ mill-Ftehim ta’ Pariġi

Read in English.

L-amministrazzjoni tal-President Amerikan Donald Trump ikkonfermat li ġew iffirmati l-karti biex l-Istati Uniti tirtira mill-Ftehim ta’ Pariġi, mossa li hija meqjusa bħala l-ewwel pass fil-proċess biex l-Amerika tirtira mill-patt dinji għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Din ġiet deskritta bħala ħolqa minn għadd ta’ inizjattivi mmirati biex inaqqsu l-burokrazija għall-kumpaniji fl-Istati Uniti iżda saret fl-istess żmien li x-xjentisti qed iwissu biex id-dinja tieħu azzjonijiet immedjati biex tevista l-agħar impatti f’każ li jogħlew it-temperaturi globali.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Mike Pompeo kkonferma dan fuq Twitter u qal li l-Istati Uniti naqqsu l-emmissjonijiet fis-snin riċenti anki waqt li żdiedet il-produzzjoni tal-enerġija.

Uffiċjal Franċiż li qed jakkumpanja l-President Franċiż Emmanuel Macron fiċ-Ċina qal li Franza jiddispjaċiha għal dan l-iżvilupp u qal li dan jagħmel il-ftehim Franco-Ċiniż dwar il-klima u l-bijodiversità aktar neċessarju.

Għada l-Erbgħa, il-President Franċiż u l-President Ċiniż mistennija jiffirmaw patt li fih jinkludi l-irriversibiltà  tal-Ftehim ta’ Pariġi.