L-Istati Uniti tħejji Pjan B għas-Sirja

Skont il-Wall Street Journal, is-CIA u l-imsieħba reġjonali tagħha qed jaħdmu fuq "Pjan B" f’każ li l-ftehim dwar waqfien mill-ġlied fis-Sirja ma jżommx.
Skont il-ġurnal, il-ħsieb hu li l-Istati Uniti tarma lir-ribelli Sirjani b’armi b’saħħithom biżżejjed biex jiġġieldu anke lil ajruplani militari tal-Gvern ta’ Assad biex ikunu jistgħu jattakkaw.
Il-preparazzjonijiet, skont il-WSJ, ġew diskussi f’laqgħa sigrieta fil-Lvant Nofsani, ftit biss qabel daħal fis-seħħ il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied lejn l-aħħar ta’ Frar.

Sadattant fis-Sirja bdew isiru elezzjonijiet fl-inħawi kkontrollati mill-Gvern.
Hemm 3,500 kandidat approvati wara li 7,000 abbandunaw il-kandidatura tagħhom.
Il-Gvern ta’ Assad sostna li l-elezzjonijiet huma leġittimi imma l-Oppożizzjoni qed tqishom mhux opportuni waqt li għadu għaddej xi ġlied minkejja l-ftehim. Anke pajjiżi tal-Punent qed iqisuhom bħala farsa.