L-Istati Uniti tapprova t-tqassim b’emerġenza tal-vaċċin ta’ Pfizer u BioNTech

Ritratt: Pexels

Read in English.

Il-Food and Drug Administration fl-Istati Uniti awtorizzat il-vaċċin kontra l-coronavirus ta’ Pfizer u BioNTech għall-użu ta’ emerġenza.

L-aġenzija tpoġġiet taħt pressjoni intensa mill-amministrazzjoni tal-President kurrenti Donald Trump, biex il-vaċċin ikun approvat. Il-midja fl-Istati Uniti qed tirrapporta li l-Kap tal-FDA, Stephen Hahn kien ordnat jew japprova l-vaċċin ilbieraħ, inkella jirreżenja. Madanakollu hu qal li dan mhux minnu.

Il-President Trump qal li l-ewwel tilqim se jkun qed isir f’inqas minn 24 siegħa. Il-virus s’issa qatel aktar minn 292,000 persuna fl-Istati Uniti.

Is-Segretarju għas-Servizzi Umani u ta’ Saħħa, Alex Azar, qal lill-ġurnalisti li l-Ġimgħa, id-dipartiment tiegħu kien se jaħdem ma’ Pfizer biex jibda programm ta’ tilqim tal-massa bejn nhar it-Tnejn jew it-Tlieta.

Il-vaċċin ta’ Pfizer s’issa rċieva approvazzjoni mir-Renju Unit, il-Kanada, il-Bahrain u l-Arabja Sawdija.

Il-Ħamis, esperti mediċi li huma konsulenti tal-FDA irrakkomandaw l-approvazzjoni għall-użu ta’ emerġenza tal-vaċċin. Grupp ta’ 23 persuna sostnew li l-benefiċċji tal-vaċċin huma ħafna aktar għolja mir-riskju li jista’ joħloq.

F’dikjarazzjoni, l-FDA qalet li “wara l-laqgħa pożittiva tal-kumitat konsultattiv tal-bieraħ dwar il-vaċċin ta’ Pfizer u BioNTech, l-FDA qed tinforma li se tkun qed taħdem b’mod rapidu biex tiffinalizza u toħroġ awtorizzazzjoni ta’ emerġenza.”