Aġġornata: L-Iran madwar il-mejda mal-Istati Uniti dwar is-Sirja

Aġġornata fil-5.00pm:
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iranjan se jieħu sehem f’taħdidiet fi Vjenna, din il-ġimgħa, dwar il-kunflitt fis-Sirja.
Din se tkun l-ewwel darba li l-Iran, li hu alleat tal-President Sirjan Bashar al-Assad, se jpoġġi bilqiegħda mal-Istati Uniti dwar dak li għaddej fir-reġjun.
Se jattendu wkoll rappreżentanti tar-Russja, tal-Arabja Sawdija u t-Turkija.
Il-laqgħat prinċipali mistennija jseħħu l-Ġimgħa għalkemm mhux eskluż li jibdew mill-Ħamis filgħaxija. 
Iktar kmieni:
L-Istati Uniti ħabbret li se tbiddel l-istrateġija tagħha ta’ attakki kontra l-Istat Iżlamiku, fl-Iraq u fis-Sirja, b’iktar attakki mill-art waqt li se żżid ukoll dawk mill-ajru lejn miri speċifiċi.
B’mod separat, l-Istati Uniti stiednet ukoll lill-Iran għall-ewwel darba għal taħdidiet dwar il-gwerra fis-Sirja.
Iktar tard din il-ġimgħa, fi Vjenna, se jsiru laqgħat li jlaqqgħu invjati għolja tal-Istati Uniti, ir-Russja, u pajjiżi Għarab u Ewropej.
Skont il-BBC, minn kemm ilhom li bdew il-protesti kontra l-Gvern ta’ Assad fis-Sirja, 4 snin ilu, hu stmat li mietu mal-kwart ta’ miljun ruħ u miljun oħra ndarbu.