L-Istati Uniti se żżid 250 tank tal-gwerra kontra r-Russja

L-Istati Uniti se tqiegħed 250 tank tal-gwerra f’mill-inqas sitt pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa biex tilqa’ għat-theddid tar-Russja fuq l-Ukraina.
Dan ġie kkonfermat illum mill-Ministru tad-Difiża Ash Carter hekk kif speċifika li t-tankijiet tal-gwerra se jitqiegħdu fl-Estonja, fil-Litwanja, fil-Latvja, fil-Bulgarija, fir-Rumanija u fil-Polonja li se jospitaw ukoll artillerija u vetturi militari oħra Amerikani biex iżidu l-preżenza kontra r-Russja.
In-NATO bħalissa qed tibni bażijiet militari f’sitt pajjiżi bit-tama li tkun tista’ tirreaġixxi fi żmien tlett ijiem f’każ ta’ bżonn.
Iktar kmieni din il-ġimgħa, l-UE ħabbret li kienet qed testendi s-sanzjonijiet kontra r-Russja għax għadha ma rrispettatx il-ftehim ta’ waqfien ta’ ġlied iffirmat fi Frar