L-Istati Uniti se tirtira mit-Trattat Open Skies

FILE PHOTO: REUTERS/Leah Millis

Read in English.

Nhar il-Ħamis l-Istati Uniti ddikjarat li se tirtira mit-trattat Open Skies, ftehim bejn 35 pajjiż li jippermetti titjiriet ta’ sorveljanza mingħajr armi fuq ċerti pajjiżi msieħba. Din hija l-aħħar mossa mill-amministrazzjoni ta’ Trump biex il-pajjiż jinħareġ minn trattat globali importanti ieħor.

L-amministrazzjoni qalet li r-Russja ilha tikser it-termini tal-ftehim b’mod ripetut. Uffiċjali għolja qalu li dan il-ħruġ kien se jseħħ formalment fi żmien sitt xhur, imma l-President Donald Trump indika li dan jiddependi mill-possibilità li r-Russja tikkonforma ma’ dan il-patt.

“Naħseb li għandna relazzjoni tassew tajba mar-Russja. Imma r-Russja ma żammitx mat-termini tat-trattat. Għalhekk, aħna se nirtiraw mill-ftehim sakemm dan il-pajjiż jibda jikkonforma miegħu,” qal Trump meta kien qed jitkellem ma’ diversi ġurnalisti.

Id-deċiżjoni tiegħu tkompli titfa’ dubji dwar l-intenzjoni ta’ Washington li testendi l-qbil New START tal-2010, li jimponi l-aħħar ftit restrizzjonijiet li baqa’ fuq l-iskjerar ta’ armi nukleari strateġiċi mill-Istati Uniti u r-Russja għal mhux aktar minn 1,550 armament kull wieħed. Dan jiskadi fi Frar li ġej.

Trump sostna b’mod ripetut li ċ-Ċina għandha tingħaqad mal-Istati Uniti u r-Russja f’diskussjonijiet dwar il-ftehim għall-kontroll tal-armi li se jissostitwixxi l-programm New START. Iċ-Ċina, li hu stmat li għandha madwar 300 armament nukleari, irrifjutat il-proposta ta’ Trump diversi drabi.

Aktar tard nhar il-Ħamis, Robert O’Brien, kelliem għas-sigurtà nazzjonali fil-White House, qal lil Fox News Channel li l-aħbar li l-Istati Uniti kienet se tirtira mill-ftehim New START kienet sorpriża.

Alleati tan-NATO u pajjiżi oħra bħall-Ukrajna kienu għamlu pressjoni fuq Washington sabiex ma toħroġx mit-Trattat Open Skies, li jippermetti titjiriet mingħajr armamenti mmirati biex isaħħu l-kunfidenza tal-pajjiżi u jipprovdu avviż minn qabel dwar il-possibilità ta’ attakki militari.

F’Moska, l-aġenzija tal-aħbarijiet statali RIA kkwotat lid-Deputat Ministru għall-Affarijiet Barranin, Alexander Grushko, li qal li r-Russja ma kinitx kisret it-trattat, u xejn ma kien qed jipprevjeni li jitkomplew id-diskussjonijiet dwar kwistjonijiet tekniċi li Washington qed issejjaħ vjolazzjonijet.

Id-deċiżjoni dwar Open Skies ġiet wara reviżjoni ta’ sitt xhur fejn l-uffiċjali sabu evidenza ta’ diversi każijiet meta r-Russja rrifjutat li tikkonforma mat-trattat. 

Is-sena l-oħra, l-amministrazzjoni ħarġet lill-Istati Uniti mit-Trattat dwar il-Forzi Nukleari ta’ medda intermedja mar-Russja.

Kelliem għoli għall-amministrazzjoni qal li l-uffiċjali tal-Istati Uniti dan l-aħħar kienu bdew diskussjonijiet ma’ uffiċjali Russi rigward grupp ġdid ta’ negozjati dwar armamenti nukleari sabiex “jibdew iħejju l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ miżuri għall-kontroll tal-armamenti nazzjonali.”

IT-TRATTAT DAĦAL FIS-SEĦĦ FL-2002

In-negozjatur għall-kontroll tal-armi ta’ Trump ħejja argument sħiħ ta’ difiża dwar il-politiki għall-kontroll tal-armi tal-amministrazzjoni, li jiffoka fuq il-proposta tal-president li ċ-Ċina tingħaqad mal-Istati Uniti u r-Russja f’diskussjonijiet dwar programm li jissostitwixxi l-ftehim New START.

“Aħna nafu kif nirbħu f’dawn is-sitwazzjonijiet, u nafu kif niżguraw li l-opponenti tagħna jonfqu l-baġit kollu tagħhom. Jekk naslu għal dan il-punt, lesti li nwettqu dan, imma l-għan tagħna hu li nevitaw sitwazzjoni bħal din,” qal il-Marixxall Billingslea, il-Mibgħut Speċjali tal-President għall-Kontroll tal-Armi fid-diskors tiegħu matul think tank tal-Hudson Institute.

It-trattat Open Skies, li kien propost mill-President tal-Istati Uniti Dwight Eisenhower fl-1955, kien iffirmat fl-1992 u daħal fis-seħħ fl-2002. L-idea hi li l-istati membri jitħallew iwettqu titjiriet ta’ sorveljanza fuq il-pajjiżi ta’ xulxin sabiex tinbena l-fiduċja.

L-uffiċjali rreferew għal sforzi kontinwi fuq diversi snin minn naħa tar-Russja biex tikser dawn it-termini, bħal pereżempju restrizzjoni ta’ titjiriet tal-Istati Uniti fuq Georgia, pajjiż ġar tar-Russja, u t-territorju militari Russu f’Kaliningrad fuq il-kosta Baltika.

Barra minn dan, huma qalu li r-Russja kienet qed tuża t-titjiriet tagħha fuq territorji Amerikani u Ewropej biex tidentifika infrastruttura kritika tal-Istati Uniti għal attakki potenzjali f’każ ta’ gwerra.

Xi esperti huma mħassba li l-ħruġ tal-Istati Uniti mit-trattat, li jfisser li r-Russja jkollha twaqqaf it-titjiriet tagħha fuq it-territorji tal-Istati Uniti, jista’ jwassal biex Moska tirtira wkoll mill-ftehim, li jirriżulta fit-tmiem ta’ titjiriet fuq ir-Russja mill-membri li jibqa’, u dan idgħajjef is-sigurtà Ewropea fi żmien meta separatisti appoġġati mir-Russja qed jokkupaw partijiet mill-Ukrajna u Georgia.

Id-deċiżjoni ta’ Trump li joħroġ mit-trattat hija waħda “prematura u irrisponsabbli,” qal Daryl Kimball, il-kap tal-Assoċjazzjoni għall-Kontroll tal-Armi bbażata f’Washington.