L-Istati Uniti qed tikkunsidra twaqqaf TikTok u apps soċjali Ċiniżi oħra

REUTERS/File Photo

Read in English.

Is-Segretarju ta’ l-Istat Mike Pompeo tard it-Tnejn qal li l-Istati Uniti qed tikkunsidra li twaqqaf l-apps tal-media soċjali Ċiniżi inkluż TikTok.

“Ma ridx ninstema qisni rrid nantiċipa lill-President (Donald Trump), imma kull ma nista’ ngħid hu li din hija xi ħaġa li qed nikkunsidrawha,” qal Pompeo waqt intervista ma’ Fox News.

L-Istati Uniti tinsab imħassba dwar is-sigurtà nazzjonali speċjalment fil-kuntest tal-mod kif TikTok tagħmel użu mill-informazzjoni tal-konsumatur, u qalet li hemm tħassib dwar liġijiet Ċiniżi li jitolbu lil kumpaniji domestiċi sabiex dawn “jgħinu u jikkoperaw mal-ħidma ta’ intelliġenza li hija kontrollata mill-Partit Komunist Ċiniż.”

L-app, li mhix aċċessibbli fiċ-Ċina fittxet li tbiegħed lilha nnifisha mill-għeruq Ċiniżi tagħha sabiex tappella għal udjenza globali u saħqet li hija indipendenti miċ-Ċina.

Il-kummenti ta’ Pompeo saru wkoll f’kuntest ta’ tensjonijiet li dejjem qed jikbru fir-relazzjoni bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina dwar il-mod kif iċ-Ċina aġixxiet meta faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus, kif iċ-Ċina ġabet ruħha f’Hong Kong u l-gwerra ta’ negozju li ilha għaddejja kważi sentejn.

TikTok hija app ta’ filmati qosra li s-sid tagħha hija l-kumpanija ByteDance ibbażata fiċ-Ċina. Dan l-aħħar, l-app twaqqfet fl-Indja flimkien ma’ 58 app Ċiniża oħra wara diżgwid bejn iċ-Ċina u l-Indja fuq il-fruntieri.

Tard it-Tnejn, Reuters irrappurtaw li TikTok se toħroġ mis-suq ta’ Hong Kong fi żmien ftit ġranet, dan wara li ċ-Ċina iddeċidiet li timponi liġijiet ġodda dwar is-sigurtà nazzjonali fil- belt semi-awtonoma.