L-Istati Uniti lesta tintervjeni fil-Golf Għarbi

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li l-Istati Uniti lesta tintervjeni jekk  tintalab l-għajnuna tagħha fil-Golf Għarbi. 
Trump insista mal-mexxejja tal-Qatar, l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda sabiex ifittxu l-għaqda fir-reġjun ħalli jkunu jistgħu jiġġieldu t-terroriżmu b’inqas intoppi.
Bħalissa hemm instabbiltà fil-Golf Għarbi, minħabba s-sanzjonijiet li poġġew il-Baħrejn, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Eġittu fuq il-Qatar fil-5 ta’ Ġunju li għadda.
Dawn it-tliet pajjiżi qed jakkużaw lill-Qatar b’rabtiet mat-terroriżmu li skonthom qed jiddistabilizzaw ir-reġjun.
Huma taw lill-Qatar għaxart ijiem ċans, jiġifieri sa lbieraħ filgħaxija, sabiex jaċċettaw lista ta’ 13-il miżura mibgħuta minnhom. Jekk il-Qatar taċċetta dawn il-kundizzjonijiet, wegħduha li jwaqqfu s-sanzjonijiet.
Waħda mit-talbiet kienet li l-Qatar tagħlaq l-aġenzija tal-aħbarijiet Al Jazeera, kif ukoll jagħlqu bażi militari Torka u jnaqqsu mir-rabtiet mal-Iran.
F’kuntatt telefoniku tard ilbieraħ filgħaxija, Trump tkellem max-Xejk Qatari, Tamim bin Ħamad al Thani, u tkellmu dwar l-implikazzjonijiet li jista’ jkollha kriżi simili f’dar-reġjun.