L-Istati Uniti jridu l-medjazzjoni – L-Iżrael ma jridx jaf

Il-President Amerikan Barack Obama ċempel lill-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, jikkundanna l-attakki tal-Palestina u l-Iżrael u qal li l-Istati Uniti huma lesti jkunu ta’ medjaturi.
It-telefonata ta’ Obama waslet wara li aktar kmieni lbieraħ, Netanyahu sostna li l-attakki fuq Gaża se jibdew ikunu eħrex.
Anke s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Ban Ki Moon semma’ leħnu u waqt li kkundanna l-użu tar-rokits min-naħa ta’ Gaża, iddeskriva bħala intollerabbli l-attakki ostili tal-Iżrael.
Skont uffiċjali Palestinjani, minn meta nhar it-Tnejn bdew l-attakki Iżraeljani, f’Gaża nqatllu aktar minn 90 persuna u weġġgħu ‘l fuq minn 600 persuna.  Sa issa jidher li m’hemm ebda każ ta’ fatalità fl-Iżrael.
Il-biża li l-Iżrael se jibda jattakka mill-art kompliet tikber hekk kif il-Kabinett Iżraeljan awtorizza li jsejjaħ 40,000 suldat.  10,000 aktar mill-offensiva ta’ Iżrael f’Gaża f’Novembru 2012.
It-tensjoni bejn l-Iżrael u l-Palestina kompliet tikber meta fil-jiem li għaddew instabu mejta t-tliet żgħażagħ Iżraeljani li kienu nħatfu u ftit jiem wara nstab mejjet ukoll żagħżugħ Palestinjan.