L-Istati Uniti bi pjan biex iżarmaw il-programm nukleari tal-Korea ta’ Fuq fi żmien sena

REUTERS/Sergei Karpukhin

Il-konsulent għas-sigurtà nazzjonali tal-White House John Bolton qal li huwa jemmen li l-parti l-kbira tal-programmi ta’ armi nukleari tal-Korea ta’ Fuq jistgħu jiżżarmaw fi żmien sena, minkejja li xi esperti jgħidu li l-proċess sħiħ jista’ jieħu ħafna aktar.

Bolton qal fi programm tas-CBS “Face the Nation” li Washington fassal programm biex iżarma l-armi tad-distruzzjoni tal-massa – kemm dawk kimiċi, bijoloġiċi u nukleari – u programmi ta’ missili ballistiċi fi żmien sena, jekk ikun hemm il-koperazzjoni u t-trasparenza min-naħa ta’ Pyongyang.

Huwa qal li l-Koreani jikkoperaw u jekk ħadu d-deċiżjoni strateġika li jwettqu dan il-proċess jista’ jimxi malajr u dan ikun jista’ jseħħ fi żmien sena.

Huwa qal li s-Segretarju tal-Istat Mike Pompeo se jiddiskuti din il-proposta mal-Korea ta’ Fuq fi żmien qasir. Il-Financial Times irrapurtat li Pompeo se jżur il-Korea ta’ Fuq din il-ġimgħa iżda d-Dipartiment tal-Istat ma kkonfermax il-pjanijiet ta’ vjaġġar tiegħu.

Xi esperti ma qablux mal-perjodu ta’ żmien ottimista ta’ Bolton.