L-Istati Uniti b’aktar minn 1,100 mewt għat-tielet jum konsekuttiv

FREUTERS/Dado Ruvic/Illustration/File Photo

L-Istati Uniti rreġistrat aktar minn 1,100 mewt minn Covid-19 għat-tielet ġurnata konsekuttiva l-Ħamis, hekk l-imxija niżżlet għarkubbtejhom l-isptarijiet fl-istati tal-Kalifornja, il-Florida u Texas.

Ir-rata ta’ mwiet fl-Istati Uniti kienet ilha minn Mejju ma tirreġistra dan l-ammont ta’ għal aktar minn ġurnata wara l-oħra. Bosta stati u gvernijiet lokali f’Mejju neħħew ir-restrizzjonijiet u reġgħu fetħu l-bajjiet, ir-ristoranti u n-negozju. Dan wassal għal żieda fl-infezzjonijiet bil-coronavirus f’Ġunju u żieda tal-imwiet f’Lulju.

S’issa, f’Lulju, 17-il stat kisru r-rekord ta’ żidiet ta’ mwiet bil-Covid-19, skont kalkolu ta’ Reuters.

Il-każijiet totali fl-Istati Uniti żdiedu b’mill-inqas 60,000 każ ġdid ilbieraħ biex b’hekk fil-pajjiż inqabeż l-4 miljun każ. 

Ilbieraħ Texas irreġistrat 174 mewt, Florida 173, Kalifornja 152 u Arizona 89. Għall-Florida dan l-ammont kien rekord ta’ ġurnata waħda, l-istess għal Tennessee b’37.

Minkejja li l-imwiet fl-Istati Uniti żdiedu għat-tieni ġimgħa konsekuttiva, dawn jibqgħu taħt il-livelli ta’ April, fejn kienu qed jitilfu ħajjithom medja ta’ 2,000 persuna kuljum bil-virus.

L-Amerika għandha s-sitt l-akbar rata ta’ mwiet fid-dinja meta mkejla skont il-popolazzjoni.