L-istat se jkun viġilanti fuq min jabbanduna l-anzjani

L-istat se jkun viġilanti fuq min jabbanduna l-anzjani, inkluż ġenituri li “jintefgħu” f’dar residenzjali għall-anzjani u jiġu “minsija hemm”.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjanità Attiva Justyne Caruana qalet dan fil-Parlament illejla fil-ftuħ tad-diskussjoni fil-livell tat-Tieni Qari dwar emendi għall-Kodiċi Kriminali. Caruana qalet li l-Gvern qed iressaq proposti biex jiġġieled l-abbuż u l-vjolenza fuq l-anzjani filwaqt li tenniet li l-Gvern hu kommess li jkompli jtejjeb is-servizzi b’riżq l-anzjani fil-komunità u fid-djar residenzjali tal-Gvern stess.
Qalet li l-emendi mressqa mis-Segretarjat Parlamentari tagħha jibnu fuq l-esperjenza tagħha ta’ avukat, inkluż kawżi li kienet involuta fihom li jinkludu vjolenza fiżika, emozzjonali u f’xi każijiet, anke sesswali, fuq anzjani.
Qalet li bl-emendi proposti, fost l-oħrajn, jiħraxu b'mod sostanzjali l-pieni fil-każ ta’ min iwettaq reati fuq l-anzjani nkluż pieni differenti għal reati fuq anzjani taħt jew iktar minn 70 sena, imma wkoll iwessgħu kemm jista’ jkun l-interpretazzjoni tal-kelma “abbuż”, jinkludu qsim tal-piż fejn jidħlu reati kontra l-anzjani, u possibiltà ta' ġurisdizzjoni għall-Qrati Maltin anke f'każ ta' reati barra minn Malta. 
Justyne Caruana rringrazzjat lill-avukat Toni Abela għall-ħidma li għamel fuq il-preparazzjoni tal-abbozz ta' liġi, kif ukoll lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Mario Galea li esprima l-qbil tal-Oppożizzjoni mal-abbozz ta' liġi mressaq.