L-Istat Iżlamiku jrid li jiġu attakkati l-iskejjel barranin

L-Istat Iżlamiku appella lill-musulmani biex jattakkaw lill-għalliema barranin, l-aktar dawk Amerikani, li jgħallmu fi skejjel internazzjonali fil-pajjiżi musulmani.
Fil-mira ta’ dawn l-attakki jista’ jkun hemm Gedda fl-Arabja Sawdija u ż-żona ta’ Maadi fil-Kajr fl-Eġittu.
Din l-aħbar ixxandret mill-websajt tal-estremisti Iżlamiċi, Site.
L-għan hu li “d-diplomatiċi barranin jiġu mġiegħla” jitilqu mill-pajjiżi fil-lvant nofsani.
Wara dan l-appell, l-ambaxxata Amerikana fl-Eġittu wissiet lill-Amerikani, b’mod partikolari lill-istudenti u l-għalliema biex joqgħodu b’seba’ għajnejn.
Intant, grupp ta’ 150 Iraqi Kurdi, magħrufa bħala ġellieda Peshmerga, waslu fit-Turkija biex jidħlu fis-Sirja u jattakkaw lill-militanti tal-Istat Iżlamiku li qiegħdin f’Kobani.
L-ewwel kontinġent siefer mill-Iraq għal wieħed mill-ajruporti tat-Turkija li jinsab fix-xlokk tal-pajjiż, waqt li t-tieni kontinġent ta’ Kurdi qed jivvjaġġa mit-Turkija fuq l-art u qed iġorr diversi armi.