L-Istat Iżlamiku jhedded li joqtol iktar ostaġġi

Theddida ġdida mill-militanti tal-Istat Iżlamiku.
Din id-darba lejn il-Ġappun, li jekk il-pajjiż ma jgħaddilhomx 200 miljun dollaru Amerikan fi 72 siegħa se joqtlu lil żewġ ostaġġi Ġappuniżi li għandhom f’idejhom.
Dan hekk kif it-terroristi dalgħodu ħarġu filmat ieħor tipiku tagħhom – b’persuna b’wiċċha mgħammad flimkien mal-ostaġġi għarkubtejhom fl-art, lebsin l-oranġjo.
Fil-filmat, it-terrorista jindirizza direttament lill-Prim Ministru Ġappuniż u jgħidlu li l-messaġġ qed jintbagħat għax il-Ġappun għażel li jagħti s-sostenn tiegħu lill-Istati Uniti kontra l-Istat Iżlamiku.
Skont l-aġenziji tal-aħbarijiet Ġappuniżi, wieħed mill-irġiel hu negozjant ta’ 42 sena u l-ieħor hu ġurnalist li jaħdem fuq bażi ta’ freelance.
It-tnejn li huma nħakmu waqt li kienu fis-Sirja, wieħed f’Awwissu u l-ieħor probabbli f’Ottubru.