L-Istat Iżlamiku jgħid li għandu l-armi tal-Amerikani

Fil-filmat il-ġdid, il-jihadisti tal-Istat Iżlamiku qed jgħidu li għandhom f’idejhom l-armi li l-Istati Uniti bagħtu lil Kurdi biex jiddefendu l-belt ta’ Kobani, fit-tramuntana tas-Sirja.
Skont il-militanti, l-armi u l-munizzjon waqgħu bi żball mill-ajru fuq art li hi kkontrollata minnhom.
It-Turkija ħabbret li se tgħin lill-forzi Kurdi Iraqqini biex jidħlu fis-Sirja u jingħaqdu mal-Kurdi Sirjani sabiex jiddefendu flimkien il-belt ta’ Kobani mill-attakki tat-terroristi.
Din it-tħabbira ħarġet minn fomm il-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin, Mevlut Cavusoglu. 
Dan ifisser żvilupp fil-politika tat-Turkija hekk kif sa issa l-pajjiż kien żamm lura milli jagħti l-għajnuna lill-militanti Kurdi Sirjani għaliex kien jikkunsidrahom bħala għaqda terroristika u theddida għat-Turkija.