L-Istat Amerikan jagħlaq 22 ambaxxata wara theddida mill-Al-Qaeda

Theddida serja lejn l-Amerika mill-grupp terroristiku Al-Qaeda wasslet biex l-Istat Amerikan iħabbar li 22 ambaxxata Amerikana fil-Lvant Nofsani u fit-Tramuntana tal-Afrika se jingħalqu fil-jiem li ġejjin.

F’messaġġ, il-President Amerikan Barack Obama sostna li jeħtieġ li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex l-Amerikani jkunu protteti minn din it-theddida. Kien għalhekk li Obama ħatar numru ta’ uffiċjali biex jieħdu ħsieb jipproteġu lill-Amerikani li jinsabu fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani. 

Kelliem għad-Dipartiment tal-Istat Amerikan qalet li l-attakki jistgħu iseħħu fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin u kien għalhekk li ġie deċiż li jingħalqu numru ta’ ambaxxati Amerikani minn nhar il-Ħadd li ġej.

Intant jidher ukoll li l-Ingilterra u l-Ġermanja ħabbru li se jkunu qed jagħlqu numru ta’ ambaxxati li jinsabu fil-Yemen li huwa ċ-ċentru tat-theddid mill-grupp terroristiku Al-Qaeda.

L-Ingilterra wissiet liċ-ċittadini tagħha biex ma jivvjaġġawx lejn il-Yemen u lil minn jinsab hemm biex jitilqu kemm jista’ jkun malajr.