L-Istaġun tat-Teatru Manoel 2019-2020 jiftaħ f’tmiem il-ġimgħa

Read in English.

It-Teatru Nazzjonali ta’ Malta, Teatru Manoel, se jikxef l-istaġun teatrali tiegħu tal-2019-2020 b’firxa dinamika ta’ produzzjonijiet maħsuba biex iżommu, isaħħru, u jemozzjonaw lill-udjenzi. 

L-Opra ta’ Marzu saret parti mportanti fil-kalendarju kulturali tat-teatru. Dan l-istaġun it-Teatru Manoel se jippreżenta Otello ta’ Rossini bis-sehem tat-Tenur Malti Cliff Zammit Stevens fil-parti ewlenija. Otello se jkun dirett minn Vivien Hewitt li taħdem fit-Toskana, taħt il-bakketta ta’ Marco Mencoboni li huwa wkoll responsabbli mill-Proġett Monteverdi. Dan ix-xogħol ta’ Rossini huwa differenti minn dak li l-pubbliku ġenerali huwa mdorri li jistenna minn Rossini, li huwa wkoll magħruf għall-opri komiċi bħal Cenerentola u Il Barbiere di Siviglia. Għalkemm kemmxejn differenti mill-oriġinali ta’ Shakespeare l-opra tibqa’ traġika imma xorta għandha t-timbru li mhux la kemm tħassru tal-virtwożità Rossinjana. Tant li f’nofs l-iskeda tal-provi, fl-10 ta’ Frar, id-diva ċelebri Rossinjana Mariella Devia se tagħti klassijiet ta’ taħriġ li se jkunu miftuħa anke għall-pubbliku.

It-teatru se jtella’ żewġ opri oħra; L’Impresario ta’ Mozart li se tkun imtellgħa għal udjenza ta’ tfal bħala parti mill-Festival ŻiguŻajg f’Novembru u Lo Speziale ta’ Haydn minn Lautten Compagney li se ssir f’dan it-tmiem il-ġimgħa fil- 5 u s-6 ta’ Ottubru. Lautten Compagney għamlu d-debutt Malti tagħhom fil-Valletta Baroque Festival li dieħel fit-tmien staġun tiegħu f’Jannar 2020 u li se jinkludi artisti tal-barokk ta’ fama enormi bħal Vivica Genaux, Joel Fredriksen u Adrian Chandler biex insemmu xi wħud.

Ottubru se jara wieħed mill-gruppi ewlenin mużikali ta’ Malta, Versatile Brass Band, jieħu il-palk prinċipali tal-Manoel għall-ewwel darba f’kunċert b’numru ta’ artisti lokali, b’parti mid-dħul imur bħala għajnuna għal Dar Bjorn. F’Novembru, mużiċisti famużi Maltin; il-vjolinist Carmine Lauri u l-kitarrist Simon Schembri se jingħaqdu għal Virtuosi, kunċert bis-sehem ta’ xogħlijiet ta’ Paganini, Piazzolla u Vivaldi. F’Diċembru it-teatru se jerġa’ jilqa’ il-Kunċert tal-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja li se jinkludi għadd ta’ mistiedna internazzjonali flimkien ma’ student tal-Fondazzjoni akkumpanjati mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ppjanat minn Joseph Calleja nnifsu. F’Novembru DeNote Ensemble se jtella’ kunċert ta’ musica da camera kollu ta’ Mozart f’ġieħ il-mibki Dr George Debono li ħalla l-pjanu Broadwood tal-1888 lit-teatru.

Ix-xogħol drammatiku wkoll jagħmel parti mill-programm kulturali tat-teatru b’titli komiċi imma litterarji Ingliżi bħal The Importance of Being Earnest li se tkun imtellgħa b’kollaborazzjoni ma’ MADC u żewġ siltiet li jnisslu l-ħsieb minn Staġun Teatru Malti: Ix-Xiħa u Iġri Neħles fost oħrajn.

Iż-żfin kontemporanju jieħu l-palk ewlieni bi prestazzjonijiet minn Moveo Dance Company u ŻfinMalta. Imnebbħin minn żewġ ikoni kuntrastanti; Frida Kalho u l-kompożitur Antonio Vivaldi, Moveo se jippreżentaw lejla doppja f’April taħt id-direzzjoni tad-duwo rebbieħ Dorian Mallia u Diane Portelli. ŻfinMalta min-naħa l-oħra se jippreżentaw 21 Dances For the 21st Century ibbażati fuq il-ktieb riċenti l-aktar mibjugħ ta’ Yuval Noah Harari li jismu 21 Lessons For the 21st Century, b’koreografija tad-direttur artistiku ta’ ŻfinMalta Paolo Mangiola b’kollaborazzjoni mal-artist viżiv kontemporanju Kane Calì.

Il-Programm Edukattiv Toi Toi jerġa’ lura għad-disa’ staġun bi prestazzjonijiet għat-tfal li jesploraw ġeneri differenti minn pupazzi għaż-żfin, mużika, arti u teatru u dawn kważi kollha se jsiru fl-Istudio Theatre tat-Teatru Manoel. F’Marzu, Teatru Manoel Youth Theatre (TMYT) li hija parti minn Toi Toi se tieħu sehem f’silta ġdida miktuba u diretta mid-duwo rebbieħ ta’ aħwa The New Victorians u s-silta jisimha Manoel.

Appuntamenti ta’ kull sena se jerġgħu jkunu magħna bi prestazzjonijiet bħal APS Teatru Unplugged, il-Pantomima tal-Milied u kunċerti oħra mtellgħa mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta matul l-istaġun bl-ewwel wieħed li se jkun nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru u li jismu Vienna Forever u l-kunċert li se jsir b’tifkira ta’ Beethoven f’Mejju 2020 bis-sehem tal-vjolinist magħruf Charlie Siem.

Għal aktar informazzjoni u biex tirriserva l-biljetti tiegħek żur www.teatrumanoel.com.mt