L-istaġun tal-lampuki estiż sal-aħħar ta’ Jannar

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ħabbar li l-istaġun tal-lampuki ġie estiż b’xahar, hekk kif l-Unjoni Ewropea tat permess lis-sajjieda Maltin biex ikomplu jistadu għal-lampuki sal-31 ta’ Jannar.
Is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali qal fi stqarrija li dan il-pass għandu jgħin lis-sajjieda żgħar li jiddependu fuq il-qabdiet tagħhom biex jaqilgħu l-għixien ta’ kuljum.
Camilleri tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jagħti iktar appoġġ lis-sajjieda mingħajr ma jhedded l-istokkijiet tal-ħut fil-baħar.
Camilleri fakkar fid-deċiżjoni li ttieħdet mill-Gvern meta ddaħħlet il-kwota nazzjonali tal-pixxispad f’Malta, li jħalli lil kull sajjied Malti u Għawdxi fil-libertà li jaqbad il-pixxispad mingħajr ma jkun ristrett bi kwoti individwali.
Skont Camilleri, hekk biss jista’ jiġi mħares wieħed mill-iktar setturi importanti għall-ekonomija tal-pajjiż.  
Ritratt: Ian Noel Pace