L-istaġun tal-lampuki estiż minħabba l-maltemp

Il-Gvern ħabbar li l-istaġun tal-lampuki ġie estiż sal-aħħar ta’ Jannar li ġej minħabba l-maltemp.

Fi stqarrija, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd, u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri ħabbar li l-Kummissjoni Ewropea laqgħet it-talba tal-Gvern biex l-istaġun tal-lampuki jiġi estiż sal-aħħar ta’ Jannar 2019.

Huwa qal li l-Gvern kien ppreżenta rapport dettaljat dwar il-kundizzjonijiet meterjoloġiċi li affaċċjaw is-sajjieda Maltin tul l-istaġun tal-lampuki, fejn f’diversi ġranet dan is-sajd ma setax isir.

Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari, il-Gvern spjega li b’dan il-mod kien qed jissalvagwardja l-għajxien tas-sajjieda Maltin. Intqal ukoll li  l-aħbar intlaqgħet “tajjeb ħafna” mis-sajjieda li se jkunu jistgħu jkomplu jistadu għal-lampuki sal-31 ta’ Jannar 2019.