L-istaġun tal-kaċċa jiftaħ il-ġimgħa d-dieħla – il-Gvern

Il-Gvern qal li laqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Ornis sabiex jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa tas-summiena

Fi stqarrija maħruġa llejla, il-Gvern qal li kaċċaturi li huma anzjani ‘il fuq minn 65 sena u dawk kollha meqjusa vulnerabbli ma jistgħux joħorġu għall-kaċċa. Fil-fatt il-liċenżja tagħhom tal-kaċċa ġiet miżmuma.

“Il-Gvern, wara konsultazzjoni wiesgħa mal-awtoritajiet tas-saħħa, qed jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis sabiex jinfetaħ l-istaġun għall-kaċċa tas-summiena fir-rebbiegħa, bejn l-10 ta’ April sat-30 ta’ April 2020 minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar, inkluż fost il-ġimgħa, nhar ta’ Sibt u Ħadd u festi pubbliċi.

“Il-kwota nazzjonali għal dan l-istaġun hija ta’ 5,000 summiena u mhu se jkun hemm l-ebda kwota individwali.

“Il-kaċċa għas-summiena hija minnha nnifisha attività solitarja jiġifieri tiġi ppratikata minn kaċċatur waqt li jkun waħdu fir-raba’, iżda l-Gvern qiegħed ikun ċar, u skont id-direttivi li ngħataw mill-Awtoritajiet tas-Saħħa diġa’, anzjani u persuni vulnerabbli ma jistgħux joħorġu għall-kaċċa, u dan skont l-avviż legali li ġie ppubblikat. Fil-fatt ġew miżmuma l-liċenżji tal-kaċċa ta’ dawn il-persuni,” qal il-Gvern.

“L-istess projbizzjoni tgħodd ukoll għal dawk il-persuni li qegħdin kwarantina u oħrajn li huma ordnati joqgħodu f’iżolament. Dan ukoll filwaqt li jkunu obduti l-kumplament tad-direttivi l-oħrajn li nħarġu mill-Awtortajiet tas-Saħħa Pubblika fosthom li mhux permess li jkun hemm miġemgħa ta’ aktar minn 3 minn nies. Ksur ta’ dan iwassal għall-multi ta’ €100 għal kull persuna. L-istess jgħoddu l-multi  għal dawk  li suppost qegħdin fi kwarantina imma jinstabu barra fejn hemm tapplika multa ta’ €3,000 u multa ta’ €10,000 jekk tinstab barra persuna li suppost qiegħda f’iżolament,” qal il-Gvern.

Skont il-Gvern, mhux se jkunu ttollerati l-ebda forom ta’ abbuż.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn