L-istaġun tal-festi jaqbad ir-ritmu

Wara li l-ġimgħa li għaddiet ġiet iċċelebrata l-festa tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa, mil-lum l-istaġun tal-festi jaqbad ir-ritmu tiegħu hekk kif qed jiġu ċċelebrati tliet festi f’Malta u waħda f’Għawdex.
Ħaż-Żebbuġ illum qed jiċċelebraw il-festa ta’ San Filep, din is-sena ġimgħa aktar tard mis-soltu minħabba l-Elezzjoni Ġenerali.
Iż-Żebbuġin magħrufa mhux biss għax il-festa tagħhom hija waħda mill-kbar f’Malta, imma anke għall-istatwa ta’ San Filep, maħduma kollha kemm hi fil-fidda, fuq disinn tal-artist Luigi Fontana fl-1863.
In-naħa l-oħra ta’ Malta, qed tiġi ċċelebrata festa oħra mill-kbar. Iż-Żwienet illum qed jiċċelebraw lil Santa Katarina.
Ma’ Santa Katarina s-soltu tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba. Minħabba li l-Elezzjoni Ġenerali ħabtet wisq viċin, il-festa din is-sena se tiġi ċċelebrata fl-24 ta’ Settembru.
Ir-Rabat illum qed tiġi ċċelebrata l-festa prinċipali tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, magħrufa bħala Corpus Domini. Minkejja l-armar u n-nar, il-festa ta’ Corpus fir-Rabat mhux waħda tradizzjonali, iżda ddur madwar l-Ewkaristija.
Fil-fatt iż-żewġ purċissjonijiet li jsiru llum, ikunu bis-Santissmu Sagrament u mhux bi statwa tal-injam jew il-kartapesta.
Bħal-lum wieħed ikun jista’ jammira l-inforata fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokjali ta’ San Pawl iżda din il-festa hija l-aktar magħrufa għall-artal maġġur, imżejjen b’gandilabri u mhux gandlieri, b’xejn inqas minn 66 xemgħa.
F’Għawdex, ir-raħal ċkejken tal-Fontana jiċċelebra l-festa tal-Qalb ta’ Ġesù, l-uniku raħal f’Malta u Għawdex li jiċċelebra din il-festa.
L-istaġun tal-festi jkompli l-ġimgħa d-dieħla bi tliet festi kbar oħra ġo Malta u oħra kbira f’Għawdex.
Ħal Għaxaq se jiċċelebra lil San Ġużepp, ukoll aktar tard minħabba l-Elezzjoni. San Ġorġ jiġi ċċelebrat f’Ħal Qormi u Siġġiwien iduru madwar il-patrun tagħhom San Nikola. F’Għawdex tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Ġwann Battista fir-Rotunda tax-Xewkija.