L-istaff ta’ Biden b’donazzjonijiet biex jitħallas il-bail tad-dimostranti f’Minneapolis

REUTERS/Kevin Lamarque/File Photo

L-istaff li qed jaħdem fuq il-kampanja ta’ Joe Biden, il-kandidat Demokratiku għall-Presidenza fl-Istati Uniti, qed jikkampanjaw għal donazzjonijiet li jmorru għall-grupp li jħallas għall-ħelsien mill-arrest tad-dimostranti f’Minneapolis. Bħalissa fil-belt hemm protesti ħorox wara li nqatel raġel ta’ karnaġġjon skur minn pulizija ta’ ġilda bajda. Il-protesti qed iwasslu sabiex diversi persuni jkunu arrestati.

Minn tal-inqas 13 mill-istaff ta’ Biden tefgħu tweets il-Ġimgħa u s-Sibt li għamlu donazzjoni lill-Minnesota Freedom Fund, li topponi l-prattika ta’ ħelsien mill-arrest għall-flus jew li ġġiegħel persuni jħallsu biex jevitaw li jinżammu l-ħabs qabel ma jitressqu l-Qorti. Il-grupp juża d-donazzjoni biex iħallas it-tariffi fuq il-bail f’Minneapolis.

Filmat: Reuters

Kelliem għall-kampanja ta’ Biden, Andrew Bates qal lil Reuters li l-eks viċi-President huwa kontra l-istituzzjoni tal-cash bails u jiddeskriviha bħala “ħabs tal-midjuna”. Minkejja dan, ma kkonfermax jekk id-donazzjonijiet kinux koordinati mal-kampanja. Bates intant fakkar f’dak li qal Biden, li d-dimostranti għandhom kull dritt jipprotestaw u jkunu rrabjati, iżda li l-vjolenza mhux se ssolvi l-problemi fil-ġustizzja.

Min-naħa tal-kampanja tal-President Donald Trump, it-tim qal li kienet xi ħaġa disturbanti li t-tim ta’ Biden jissapportjaw finanzjarjament lil dawk li qed joħolqu paniku, jweġġgħu persuni innoċenti u jeqirdu dak li bnew persuni tajbin matil ħajjithom.

Trump, Repubblika li jiddeskrivi lilu nniffsu bħala president favur il-liġi u l-ordni, il-Ġimgħa sejjaħ lid-dimostranti bħala “thugs” u s-Sibt qal li l-istati u l-ibliet iridu jsiru aktar ħorox fil-konfront ta’ protesti kontra l-pulizija jew inkella l-gvern ikollu jidħol billi juża l-militari u jagħmel l-arresti. Trump esprima wkoll id-dieqa fil-konfront tal-mewt ta’ George Floyd, li miet wara li uffiċjal tal-pulizija żammu mal-art billi poġġa l-piż ta’ ġismu permezz ta’ rkoptu fuq għonq Floyd.

Mhux ċar kemm hemm persuni arrestati wara erbat iljieli ta’ protesti. Skont il-governant tal-istat, Tim Walz, ħafna minn dak arrestati lanqas biss huma minn Minnesota.