L-Istadium tal-Atletika tal-Marsa se jinbidel f’impjant sportiv ta’ livell dinji

L-assoċjazzjoni Maltija tal-atletika, Athletics Malta, ħabbret proġett ta’ investiment infrastrutturali fil-Matthew Micallef St John Athletics Stadium fil-Marsa bl-għan li dan jinbidel f’impjant ta’ livell dinji għall-atleti Maltin filwaqt li jappoġġjja l-ħidma tal-assoċjazzjoni biex iż-żona tinbidel f’hub internazzjonali sportiv.

L-investiment tħabbar minn Andy Grech, President ta’ Athletics Malta, fil-preżenza tal-Onor. Clifton Grima Segretarju Parlamentari għall-Isport kif ukoll ta’ uffiċjali mill-Kumitat Olimpiku Malti u Sport Malta.

Is-Segretarju Parlamentari Grima saħaq kif dan il-Gvern diġa ħabbar numru ta’ proġetti sportivi fl-akwati tal-Marsa li se jsaħħu l-infrastruttura sportiva u anke jaraw li jogħla l-livell tal-akwati.

Waqt il-preżentazzjoni, is-Segretarju Parlamentari Grima qal li, “dak li ġie ppreżentat minn din l-assoċjazzjoni u llum jinsab fuq karta, pass pass jista jiġi mwettaq. Dan jiġi mwettaq billi jkun hemm pjanijiet li huma serji u jħarsu lejn dawk li huma l-commitments li għandna bħala pajjiż. Wieħed tajjeb isemmi li f’pajjiżna se jkollna numru ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali u rridu naraw li dan kollu jsir b’mod għaqli u b’mod li jkollna riżultati mill-aqwa f’dak li hija infrasturttura sportiva f’pajjiżna.”

Andy Grech spjega li dan l-investiment, li għandu bħala miri ewlenija l-organizzazzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2023 u lil hinn, kien ippjanat b’mod li jilqa’ atleti tal-għola livell minn madwar id-dinja, biex isaħħaħ isem Malta bħala destinazzjoni ewlenija tat-turiżmu sportiv fl-Ewropa. Barra minn trakka tal-atletika ta’ Klassi 1, l-impjant se jinkludi faċilitajiet ta’ rijabilitazzjoni, ċentru tax-xjenza sportiva, żoni tal-fiżjoterapija, gym tal-aqwa kwalità, kmamar għal-lezzjonijiet, uffiċċji u sala għall-konferenzi, ristorant b’veduta panoramika, swali għall-VIPs u l-media kif ukoll hostel fuq il-post. Athletics Malta qed taħdem flimkien ma’ Sport Malta li qed tinvesti wkoll f’faċilitajeit qrib l-iStadium biex iż-żona tinbidel f’hub sportiv.

Il-President ta’ Athletics Malta tkellem dwar kif l-istadium se jsir wieħed mill-ftit impjanti tal-atletika sostenibbli u li jħares l-ambjent: “Il-governanza ambjentali hi parti fundamentali tal-prinċipji Olimpiċi. Mhux faċli li żżomm bilanċ bejn l-impatt ekonomiku u r-responsabbiltajiet ambjentali: dan jeħtieġ investiment u hu għalhekk li l-periti tagħna ddiżinjaw dan l-impjant biex ikun utli s-sena kollha u jkun effiċjenti fir-riżorsi tiegħu. Iż-żona tal-warming up kif ukoll l-istand se jkunu miksija bil-pannelli fotovoltajċi biex jiġġeneraw l-enerġija waqt li fl-istess ħin qed joffru kenn lill-atleti u l-ispettaturi. L-ilma tax-xita se jinġabar biex jintuża fiż-żona ta’ rijabilitazzjoni, kmamar tal-banju u għall-irrigazzjoni tal-ħaxix.”

Grech ikkonkluda li “Athletics Malta qed tressaq proġett li se jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħna fl-isport, iżda fl-istess waqt naħsbu għal futur sostenibbli f’pajjiżna”.

Il-proġett ġie ideat u ddiżinjat minn grupp ta’ atleti stess – Dario Mangion, Julian Mifsud, Paula Grech u Luke Micallef.

Dan it-tagħrif twassal minn Athletics Malta.