“L-istabilità fir-Reġjun Mediterranju hija kruċjali għall-istabilità fl-Ewropa”

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, saħaq li l-istabilità fir-Reġjun Mediterranju hija kruċjali għall-istabilità fl-Ewropa u faħħar l-impenn tal-ħaddiema kollha f’dan il-qasam.
Il-Ministru flimkien mal-Ambaxxatriċi Amerikana G. Kathleen Hill, kienu l-mistednin ta’ unur tal-United States Navy Aircraft Carrier Distinguished Visitor Familiarization Tour abbord il-USS Harry S. Truman.
Minn Malta l-Ministru Abela u l-Ambaxxatriċi marru Kreta, abbord il-USS Harry S. Truma.
Dan il-bastiment jifforma parti mill-Forza Navali Amerikana fl-Ewropa u l-Afrika.
Matul il-ħin tagħhom abbord, huma ġew infurmati dwar il-kapaċitajiet tal-forzi navali Amerikani u n-Network Globali ta' forzi navali biex jipprovdu sigurtà u l-istabbiltà fl-Ewropa u l-Afrika.
Il-Ministru rringrazzja lill-awtoritajiet Amerikani għall-interess ġenwin tagħhom fis-sigurtà fir-reġjun tal-Mediterran, waqt li faħħar ukoll il-ħidma tal-Forzi Armati ta’ Malta fis-sigurtà marittima.
Il-Ministru Abela qal ukoll li l-Awtoritajiet Maltin qed iħarsu ’l quddeim b’ħerqa għal aktar kooperazzjoni mal-Istati Uniti tal-Amerika, kemm fir-rigward tas-sigurtà kif ukoll oqsma oħrajn.
L-Ambaxxatriċi Hill saħqet dwar l-importanza li n-nazzjonijiet jaħdmu flimkien għax fi kliemha ħadd waħdu ma jista’ jiġġieled waħda kontra t-theddid globali.