​L-istabbilità politika nieżla ‘l isfel – Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li ċifri qed juru li l-istabbilità politika, il-korruzzjoni, u l-fiduċja f’Malta sejrin għall-agħar għat-tielet sena konsekuttiva.
Delia kien qed jitkellem waqt laqgħa mal-Bord tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża, u l-Industrija fejn qal li l-istħarriġ ippublikat mill-EY ilbieraħ juri wkoll ċifri pożittivi fejn tidħol l-ekonomija.
Il-Kap tal-PN qal li wieħed ma jistax jinjora dak li ġara f’Malta fil-jiem li għaddew, li qed jaffetwa s-sigurtà tal-pajjiż. Qal li din hi xi ħaġa li taffettwa kull deċiżjoni li tittieħed dwar in-negozju. 
Delia sostna li r-responsabbiltà tal-Oppożizzjoni hi li tassigura li l-ġurisdizzjoni ta’ Malta tibqa’ waħda li tibqa’ tilqa’ n-negozji. 
Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-kriżi fl-istituzzjonijiet u sostna li dawn hemm bżonn jissaħħu biex in-negozji jkollhom il-komfort li jaħdmu.
Dwar l-isfida tat-trasport, Adrian Delia qal li għan-negozji hu kruċjali li din l-isfida tiġi indirizzata. Sostna li Malta trid tħares lejn sistemi innovattivi bħal karozzi elettriċi u dawk mingħajr xufier, li jinstigaw sistema ta’ shared transport
Il-Kap tal-partit tkellem ukoll dwar is-settur edukattiv, u qal li filwaqt li hu importanti li wieħed iħares lejn l-isfidi li hemm fir-riżorsi umani, wieħed irid iħares ukoll lejn x’għandhom bżonn it-tfal fil-futur.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra Frank Farrugia fakkar fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u qal li l-Kamra tixtieq li l-valuri tal-verità u l-integrità jibqgħu jgħoddu fil-pajjiż.
Farrugia qal li l-midja għandha tirċievi r-rispett tal-poplu għaliex din għandha rwol nazzjonali importanti li tħares il-morali u l-etika.
Ritratti: PN