L-istabbilimenti kollha jimxu mar-regoli u jibqgħu magħluqin

St Patricks Paceville St Julians coronavirus
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumaturi qal li hu infurmat li l-ebda stabbiliment ma kiser l-Avviż Legali biex l-istabbilimenti jibqgħu magħluqin. Saru għadd ta’ spezzjonijiet il-lejl li għadda biex jaraw kienx hemm ħwienet, bars jew ristoranti miftuħin, iżda dawn kollha nstabu magħluqin.

Din il-liġi daħlet fis-seħħ f’nofsillejl fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa. L-ispezzjonijiet saru f’diversi lokalitajiet, fosthom Tas-Sliema, San Ġiljan, il-Gżira, l-Imsida, San Pawl il-Baħar, Buġibba, Marsaskala, il-Fgura, il-Belt Valletta u l-Furjana. L-ispezzjonijiet għamluhom uffiċjali tad-Direttorat Regolatorju tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

https://www.facebook.com/watch/?v=208267687151824

L-Awtorità se tibda tagħti multa ta’ €3,000 kull darba li post li għandu jkun magħluq jinstab miftuħ. Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Gvern sabiex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-coronavirus.

Malta s’issa għandha 53 pazjent li għandhom il-coronavirus. Minn dawn, 2 fiequ.

Fi stqarrija, il-Gvern tenna l-appell tiegħu lis-sidien u lill-maniġment ta’ stabbilimenti tal-ikel sabiex jikkoperaw u jirrispettaw din l-ordni. Bl-istess mod, in-nies huma mħeġġa ma jinġabrux barra stabbilimenti tat-take-away, u huma inkoraġġiti wkoll ma jiklux viċin xulxin.

Minkejja dan l-appell, u dak ta’ Prof. Charmaine Gauci dalgħodu biex avolja hi festa, in-nies joqogħdu ġewwa u jiddistanzjaw ruħhom minn xulxin, intlemħu bosta persuni barra f’diversi lokalitajiet.

Jekk xi ħadd jara lil ħaddieħor qed jikser dawn ir-regoli hu mitlub jinforma lill-Awtorità fuq il-helpline 21692447.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn