L-istabbiliment involut fil-ġlieda f’lejlet l-ewwel tas-sena se jinżamm magħluq – MTA

paceville

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qalet li l-istabbiliment involut fil-ġlieda li seħħet lejlet l-ewwel tas-sena twaqqaf milli jopera wara li ħarġet Enforcement Notice.

L-MTA qalet dan fi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt fejn spjegat li wara li saru l-investigazzjonijiet neċessarji min-naħa tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, inħarget Enforcement Notice sabiex l-istabbiliment konċernat jitwaqqaf milli jopera b’mod immedjat kif ukoll li ġiet imposta Multa Amministrattiva ta’ €2,329.37.

Is-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg f’kitba fuq Facebook qal li mhux biżżejjed li l-istabbiliment jingħata multa meta huwa kien miftuħ kontra kull direttiva tal-Awtorità tas-Saħħa. Huwa staqsa jekk dan l-istabbiliment hux se tkun qed tittieħed il-liċenzja biex jopera jew jintalabx biex jieqaf jopera temporanjament.

Is-Sindku kien qiegħed jirreaġixxi għall-ġlieda li nqalgħet f’Paceville f’Lejlet l-Ewwel tas-Sena. F’din il-ġlieda kien hemm invpoluti grupp ta’  persuna u tliet persuni kellhom jittieħdu l-isptar.

Il-ġlieda seħħet f’ristortant li kien waqt attività privata. Rapporti qalu li din l-attività ma kinitx konformi mar-restrizzjonijiet tal-Covid-19.

F’kummenti li ta fuq 103FM, it-Tlieta, is-Sindku Alber Buttigieg qal li din mhix sitwazzjoni ġusta man-negozji li osservaw ir-regoli u żied li għandhom jittiħedu l-liċenzji ta’ dawk l-istabbilimenti li ma jkunux qegħdin jimxu mal-protokoll dwar din l-imxija.