“L-Isqof Tonino Bello kien profeta ta’ żmienna”

Il-Papa Franġisku, f’nofs il-ġimgħa li għaddiet, żar Alessano, fin-nofsinhar tal-Italja, biex ifakkar il-25 sena mill-mewt tal-Isqof Tonino Bello. Hu kien milqugħ bil-kant ta’ “O Freedom”, innu li kien ħafna għal qalb l-imsemmi Isqof.
F’diskors li għamel il-Papa qal li l-Isqof Bello imita lil Kristu meta kien qrib il-foqra, tant li ftaqar għax tahom dak li kellu. L-Isqof kien allerġiku ħafna għat-titli u l-unuri u l-Papa ddeskrivih bħala “Profeta ta’ żmienna”.
Għall-Isqof Bello il-paċi kienet tibda mid-dar u tinfirex fit-toroq u fil-postijiet tax-xogħol fejn id-dinjità tal-ħaddiem kellha tiġi qabel il-profitti.
Il-belt ta’ Alessano li tinsab fit-takkuna tal-Italja kien il-belt fejn twieled dan l-Isqof.  Wara hu kien inħatar Isqof ta’ Molfetta fl-1982 minn San Ġwanni Pawlu II. Hu miet fl-età ta’ 58 sena. Kien meqjus bħala champion tal-foqra u kien jgħid li jrid “Knisja bil-fardal”, jiġifieri lesta dejjem biex isservi. Kien jgħid li l-fardal kienu l-uniċi ħwejjeġ imsemmija fil-Vanġelu.
Fl-1985 kien inħatar President tal-Pax Christi, organiżazzjoni internazzjonali li taħdem favur il-paċi u baqa’ jokkupa din il-kariga sal-1993.
Fl-2007 nfetħet il-kawża għall-Beatifikazzjoni tiegħu wara li l-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin iddikkjarat uffiċjalment li ma kien hemm ebda ostaklu għal dan il-proċess.
L-Isqof Tonino Bello għandu t-titlu ta’ “Qaddej ta’ Alla” u l-kawża tiegħu miexja b’mod tajjeb u hu maħsub li fi ftit żmien ieħor ikun dikjarat Beatu.