L-Isqof ta’ Tapachula fil-Messiku jappella biex l-emigranti jintlaqgħu bħal aħwa

Mijiet ta' emigranti jimmarċjaw lej il-fruntiera mal-Istati Uniti

“Dawk kollha li jiffurmaw parti mill-familja tad-djoċesi ta’ Tapachula, kulħadd skont ma’ jiflaħ u skont ir-responsabbiltà li għandu, għandu jassigura li ħutna l-emigranti jkollhom biċċa ħobż x’jiekol, ma jkunux stuprati u m’għandux ikun hemm manifestazzjonijiet ta’ disprezz u rifjut fil-konfront tagħhom.

“Minkejja ċ-ċirkostanzi għandhom iħossu li qegħdin fost ħuthom, mhux bħala stranġieri, anqas kriminali, eżiljati jew disprezzati.  Alla jippremja l-isofrzi ta’ kulħadd li jismagħhom, u jittrattahom bħal aħwa. L-istess kif nixtiequ lil ħutna Messikani jkunu trattati fl-Istati Uniti”.

Dan l-appell għamlu l-Isqof ta’ Tapachula, Mons Jaime Calderon meta kellem lill-qassisin, seminaristi, sorjiet u lajċi tad-djoċesi wara li kien magħruf li numru konsiderevoli ta’ emigrant mill-Honduras kien se jgħaddu minn hemm fi triqthom lejn l-Istati Uniti.

“Id-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Federali u s-silenzju tal-Gvern Lokali, juri li l-pożizzjoni tagħhom, bħal f’każi preċedenti, hi waħda ambigwa u ma jafux x’se jagħmlu”. Dan qalu l-Isqof Calderon f’messaġġ li bagħat lill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, intitolat “Responsabbiltà u Mħabba lejn Ħutna”. Għad mhux magħruf jekk l-emigranti mill-Honduras hux se jidħlu u jieqfu f’Tapachula jew jibqgħu għaddejjin lejn il-fruntiera ma’ l-Istati Uniti.

Inċertezza

“Minħabba din l-inċertezza, iżda konxji tad-dover nisrani tagħna  bħala ulied Alla l-Missier ta’ kulħadd bla ebda differenza jew distinzjoni, inħossu d-dover li nesprimu l-ħsibijiet tagħna b’mod ċar u sempliċi u b’determinazzjoni dwar ħutna l-emigranti”, ddikjara l-Isqof.

 Hu fakkar li d-djoċesi ta’ Tapachula “dejjem iddistingwiet ruħha bħala Knisja li minkejja l-faqar, dejjem għenet u kienet attentat biex turi l-Wiċċ Ħanin t’Alla ma’ ħutna l-emigranti”.

Irridu nkunu bħas-Samaritan it-Tajjeb u allura “dejjem se nassiguraw li ħutna l-emigranti ma nżidulhomx it-tbatija ma dawk li diġa’ għandhom fit-triq twila, imħarbta, inċerta u kultant vjolenti li jridu jgħaddu minnha”.

Fl-istqarrija tiegħu l-Isqof Calderon qassam lid-diversi komunitajiet tad-djoċesi u l-vigarji li jmexxuhom, ħidmiet differenti biex jassistu lill-emigranti li jkun hemm fit-territorju tagħhom u talab lil Alla biex “jgħinna nagħmlu dan ix-xogħol b’sens għoli ta’ responsabbiltà u mħabba lejn ħutna”.