L-Isqof ta’ San Diego jiddeskrivi l-ħajt ta’ Trump mal-Messiku bħala “grottesk”

L-isqof Robert McElroy ta’ San Diego, ikkundanna l-isforzi tal-amministrazzjoni tal-President Donald Trump li tibni ħajt fuq il-fruntiera mal-Messiku, bħala mossa bla effett u grotteska.
Hu għamel dan il-kumment meta l-President żar il-post fejn qed jinbena l-ħajt biex jara kif inhu ġej ix-xogħol.
Trump għamel l-ewwel żjara tiegħu f’Kalifornja minn meta ħa l-poter u kkritika l-fence li tpoġġa fil-fruntiera bejn il-Messiku u l-Istati Uniti bħala xogħol inferjuri u ppropona li floku jsiru blokok għolja 30 pied billi hu kien wiegħed li se jibni ħajt “kbir u sabiħ”.
“Jekk ma jkollniex dan il-ħajt pajjiżna jispiċċa”, qal Trump lill-ġurnalisti. “Fil-Messiku hemm ħafna problemi. Dawn għandhom il-krietel. Aħna qed niġġelduhom dawn. Qed niġġelduhom bis-saħħa”.
Imma ħafna huma kontra li jibena dan il-ħajt, fosthom l-Isqof McElroy, li ħareġ stqarrija jikkundanna l-pjan għall-bini tal-ħajt. 
“Hi ġurnata ta’ dwejjaq għal pajjiżna meta nqabblu l-Istatwa tal-Libertà mimlija simboliżmu ma' ħajt grottesk u bla effett li joħroġ fil-beraħ u jkompli jrewwaħ id-diviżjonijiet etniċi u kulturali li għal ħafna żmien kienu l-agħar parti tal-istorja tagħna”, qal l-Isqof.
“It-tama tagħna hi f’Alla li hu Missierna lkoll u li jħeġġiġna biex naraw lil Ġesù nnifsu fl-immigranti u r-refuġjati li qed ifittxu s-sigurtà u l-libertà”, tgħid l-istqarrija.
Il-mexxejja tal-Knisja Kattolika ilhom ħafna juru l-oppożizzjoni tagħhom għall-proġett ta’ dan il-ħajt. 
Meta fi Frar tal-2016 il-Papa Franġisku żar il-Messiku u kien mistoqsi dwar il-proposta ta’ Trump li jibni dan il-ħajt, hu kien warrab din l-idea u bħal ikkritika l-fidi ta’ dawk li kienu jappoġġjawha.
Fil-fatt il-Papa kien qal li “persuna li jaħseb biex jibni l-ħitan, huma fejn huma, flok ma jibni pontijiet, mhux Kristjan. Dan mhuwiex fil-Vanġelu”.
L-isqof Joe Vasquez, ta’ Texas, li hu wkoll il-President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi dwar l-Emigrazzjoni, kien qal “Jiddispjaċini li l-President poġġa bħala prijorità l-bini ta’ ħajt fuq il-fruntiera tagħna mal-Messiku. Dan il-ħajt se jservi biss biex l-immigranti, l-aktar nisa u tfal vulnerabbli, ikunu suġġetti aktar għat-traffikanti tal-persuni”.