L-Isqof ta’ Salford nieda ċ-ċentru Laudato Si

Iċ-Ċentru Laudato si f'Salford, l-Ingilterra

L-Isqof Ingliż John Arnold, responsabbli mill-ambjent, bi tweġiba għall-isfida li Papa Franġisku għamel fl-enċiklika tgiegħu Laudato Si dwar il-ħolqien, nieda proġett fid-djoċesi tiegħu maħsub biex jinkoraġixxi s-sostenibilità ambjentali.

Meta l-enċiklika Laudato Si kienet pubblikata fl-2015, inħasset bħala sejħa qawwija lid-dinja biex tieħu azzjoni magħquda malajr biex nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna.

Iċ-Ċentru Laudato si

Erba’ snin wara din l-enċiklika, id-djoċesi ta’ Salford fl-Ingilterra nidiet iċ-Ċentru Laudato si, li skont l-isess djoċesi “hu tweġiba għall-isfida ta’ Papa Franġisku billi joħloq spazju għal azzjoni prattika biex nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna u jgħin biex inħallu inja sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet li  ġejjin.

Iċ-ċentru nnifsu jinsab fis-Sala Wardley, id-dar tal-Isqof ta’ Salford, John  Arnold u l-proġett jinkludi ġnien magħluq, rqajja b’ħxix miżrugħ u xehda tan-naħal. Hemm ukoll pjani għall-futur bi pjan biex jinħolqu spazji għat-tagħlim lit-tfal u għalqa għall-fjuri selvaġġi.

“Naħseb li din kienet opportunità tajba biex niġbru flimkien id-diversi ideat, ideat edukattivi prattiċi u riżorsi li minnhom nistgħu nitgħallmu lkoll kemm aħna”, qal  l-Isqof dwar iċ-entru, lil Vatican News.

“Għandna ħafna interess fil-proġett: qed inserrħu wkoll fuq l-esperjenza ta’ ħafna nies mil-lokal li qed iqisu l-ambjent b’mod serju ħafna u qed jgħinuna niżviluppaw numru ta’ proġetti differenti, biex mil-lat edukattiv nistgħu noffru ħafna lin-nies tad-djoċesi”.

Mistoqsi jekk jistax ikun hemm ċentri simili fi djoċesijiet oħra, l-Isqof Arnold hu fiduċjuż. “Il-Knisja f’pajjiżna għndha ħafna proprjeta u art tmiss ma’ din il-proprjeta u naħseb li nistgħu nagħmlu użu ħafna aħjar billi fuqha nħawlu siġar u ħxejjex biex nipproduċu ikel għal-lokalitajiet tagħna. Naħseb li proġetti bħal dawn fuq l-ispirtu tal-Laudato si, jistgħu jsiru f’kull djoċesi.

L-appell tal-Isqfijiet

Dan l-aħħar l-Isqfijiet Kattoliċi tal-Ingilterra u Wales ġeddew l-impenn tagħhom favur il-kura għall-ħolqien, fi stqarrija li fiha appellaw biex tkun żviluppata “Spiritwali Kristjana għall-Ekoloġija” li tibda mill-ħajja personali u dik tal-familja.

L-Isqof Arnold li hu l-Isqof responsabbli għall-Ambjent tal-Konferenza Episkopali Ngliża, spjega li “l-Isqfijiet iridu li lkoll kemm aħna nkunu mpenjati fil-parroċċi, fl-iskejjel, fil-familji u anke bħala individwi, favur l-ambjent”.

Il-Knisja u l-ħarsien tal-kreazjoni

F’dawn  ix-xahrejn li ġejjin, il-Knisja se tkun qed titfa’ l-attenzjoni tagħha fuq il-protezzjoni tal-ħolqien permezz ta’ żewġ avvenimenti mportanti; l-Istaġun tal-Kreazjoni – bejn l-1 ta’ Settembru u l-4 ta’ Ottubru fejn isir talb u tittieħed azzjoni favur l-ambjent u s-Sinodu dwar l-Amazonia.

“Irridu nkunu fiduċjużi u nagħrfu l-potenzjal kbir li għandna biex nindukraw id-dar komuni tagħna u nagħarfu li dak li nagħmlu f’pajjiżna jgħaqqad ma’ ħutna madwar id-dinja għax aħna lkoll responsabbli għall-pjaneta li ngħixu fiha”.

“Fis-Sinodu dwar l-Amazonia f’Ottubru irridu nkabbru l-kuxjenza li għandu jkollna aħna lkoll dwar il-kura tad-dar komuni tagħna”.

“Naħseb li n-nies issa qed jifhmu sew dwar il-perikli tal-bdil fil-klima. Kuntent li t-tfal issa qed jitgħallmuu dwar l-ambjent u l-ekoloġija, dwar il-ħolqien u kif għandna nibżgħu għalih. Naħseb li lkoll kemm aħna rridu nifhmu x’għamilna u x’irridu nagħmlu issa biex nikkoreġu l-ħsara li aħna stess għamilna fil-pjaneta tagħna”, temm jgħid l-Isqof Arnold.