L-Isqof ta’ Paisley jilmenta mal-BBC dwar filmat li jirredikola t-tqarbin

L-Isqof John Keenan ta’ Paisley fl-Iskozja bagħat ittra ta’ protesta lid-Direttur tal-BBC fl-Iskozja fejn ipprotesta dwar film qasir imxandar riċentement “Homophoia 2018, Żmien l-Imħabba”.
Fl-ittra tiegħu lejn tmiem ix-xahar li għadda l-Isqof Keenan iddeskriva l-kontenut tal-film bħala “ma jagħmilx ġieħ lis-servizz tax-xandir pubbliku”.
L-aktar parti insolenti kienet fejn is-Sagrament tat-Tqarbin kien deskritt bħala “biċċa cheddar” filwaqt li vuċi nstemgħet tgħid li “għandha togħma ta’ kartun u tinxtamm kollha mibegħda”.
L-Isqof ta’ Paisley poġġa dan il-filmat fil-kuntest tal-aħħar riċerka li għamel il-Gvern Skoċċiż li sab li l-Kattoliċi huma vittmi ta’ 57% tal-kriminalità reliġjuża fil-pajjiż minkejja li l-Kattoliċi jammontaw għal 16% biss tal-popolazzjoni tal-pajjiż.
“Fil-klima preżenti fejn l-ostilità għall-Kattoliċi fil-pajjiż qed tkompli tikber, nappella lill-BBC biex ikun attent u ma jitfax aktar ħatab fin-nar”, kiteb l-Isqof fl-ittra ta’ protesta lill-istazzjon.
Hu enfasizza li l-komunità Kattolika issa hi mbeżża’ li xi elementi fil-BBC addottaw aġenda li tgħid li ideat LGBT huma tajba iżda ideat Kattoliċi huma ħżiena.
“Meta niġu għal dibattiti pubbliċi importanti dwar il-ġid tal-persuna u l-verità dwar it-tifsira tas-sesswalità umana, il-Kattoliċi jħossu li l-veduti tagħhom qed ikun emarġinati jekk ma jiġux meqjusa wkoll bħala ideat kriminali”.
Għalhekk l-Isqof talab laqgħa mad-Direttur tal-BBC fl-Iskozja biex juri t-tħassib tiegħu u jara li jkun hemm imparzjalità fix-xandir għax qal li l-film imsemmi jikser il-linji gwida tal-istess Korporazzjoni tax-Xandir.
Il-linji gwida jagħmluha ċara li dak li jixxandar m'għandu joffendi lil ħadd anqas lil dawk f’minoranza.
“Il-mod diżrispettuż li fih kienet ippreżentata l-quddiesa jmur direttament kontra l-linji gwida tal-istazzjoni” qal l-Isqof. 
Min-naħa tiegħu l-BBC qal li jiddispjaċih jekk xi membri tal-Knsija Kattolika sabu dan il-film offensiv.