L-Isqof ta’ Għawdex f’Kafarnahum: “il-belt tad-dnub”

Kafarnahum Isqof Għawdex

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, is-Sibt qaddes fis-Santwarju ta’ San Pietru ġewwa Kafarnahum fejn sostna li ħajjitna hija riflessjoni ta’ Kafaranhum.

Spjega li din il-belt kienet diżordinata peress li kienet mibnija fuq il-fruntiera mad-dinja pagana, għalhekk wieħed jista’ jgħid li kienet il-belt tad-dnub. Abbażi ta’ dan qal li jħossu f’daru għax hu midneb ukoll. L-Isqof Grech sostna li Ġesù għażel li jgħix f’din il-belt propju biex jiltaqa’ mal-ħażen, jew inkella d-dnub, inkarnat fil-bniedem.

L-Isqof sostna li kien f’dawn l-inħawi li Ġesù sejjaħ lit-12-il dixxiplu biex jgħinuh fil-missjoni tiegħu, u rrimarka li huwa interessanti kif Ġesù ma għażilx lis-saċerdoti jew lil-Leviti, imma għażel nies komuni, sajjieda tal-ħut.

“Aħna frott ta’ sistema impura?”

Fl-omelija, l-Isqof Grech irrimarka kif hemm ċans kbir, kif bħal kif ġara fis-Sinagoga fi żmien Kristu, il-komunità ekkleżjali tal-lum qed tipproduċi nies impuri. Sostna li bniedem impur huwa wieħed li jkollu problema biex jikkomunika mhux biss ma’ ta’ madwaru imma wkoll ma’ Alla. “Stramb imma veru huwa l-fatt li l-bniedem kien fis-sinagoga, il-post magħżul biex issir il-komunikazzjoni ma’ Alla, imma l-istess sinagoga timpedixxi din il-komunikazzjoni.”

“Qegħdin inħallu lil Kristu jidħol fil-komunitajiet tagħna?”

L-Isqof Grech kompla billi staqsa jekk aħniex qed inħallu lil Kristu jidħol fil-komunitajiet tagħna, kemm f’laqgħat litruġiċi u anke oħrajn. Sostna li jekk il-bnedmin jiltaqgħu f’isem Kristu, imma lil Kristu jħalluh barra xorta qed jibqgħu jogħdsu fl-impurità u b’hekk tiżdied id-distanza bejn il-komunità reliġjuża u Alla.

Sostna li hemm bżonn li ssir konverżjoni. Irrimarka li “l-konverżjoni ma tfissirx li tkun midneb u ssir qaddis, imma tfisser li wieħed jibdel il-mod kif jaħseb – li wieħed jikseb viżjoni ġdida. Din il-konverżjoni neħtiġuha kemm individwalment u kemm bħala Knisja.”