L-Isqof ta’ Dublin b’qafas ta’ temi għal-Laqgħa Dinjija tal-Familji

Il-President tal-Laqgħa Dinjija tal-Familji tas-sena 2018 li se ssir f’Dublin, l-Irlanda, enfasizza li “ma teżistix il-familja ideali” iżda hemm “ideal tal-familja” li hu dak li l-Knisja qed tipprova tippromwovi permezz tal-Laqgħa Internazzjonali tal-Familji li se ssir fl-Irlanda.
L-Arċisqof Diarmuid Martin f’omelija li għamel waqt quddiesa fi knisja mballata bin-nies fil-Bażilika tan-Knock Shrine, f’County Mayo, qal li filwaqt li m’hemmx familja li hi ideali hemm ħafna familji li jikkumbattu, kultant anke b’mod erojku.
Huwa staqsa “Kif qed ngħinu liż-żgħażagħ tagħna biex jieħdu t-triq tal-imħabba vera bħala l-unika triq lejn il-kuntentizza umana?  Kif qed ngħallmu l-fedeltà f’dinja fejn kollox hu għar-rimi?”
Meta kellem lill-membri tal-istampa fit-tnedija ta’ programm ta’ sena fuq il-katakeżi tal-Amoris Laetitia – l-eżortazzjoni tal-Papa Franġisku fuq il-familja – l-Arċisqof Martin spjega li dan il-programm hu maħsub biex ikun hemm qawmien ġdid u fit-tul biex il-laqgħa ta’ Awwissu tas-sena d-dieħla li għaliha mistennija jattendu xi 5,000 familja minn madwar id-dinja, ma tkunx biss okkażjoni speċjali ta’ sebat ijiem.
Dwar l-isfida li tfiehem liż-żgħażagħ li l-fedeltà fiż-żwieġ hi għal dejjem, l-Arċisqof ammetta li din hi sfida kbira li għaliha ma hemmx tweġiba maġika.
Hu qal li l-Knisja flimkien mas-soċjetà trid tagħraf x’inhi l-fedeltà u turi liż-żgħażagħ li l-fedeltà dejjiema twassal biex bniedem jilħaq il-milja tiegħu u li dan għandu valur.
Meta rrifera għall-ġesti tal-Papa Franġisku li spiss jitkellem fuq l-imħabba u l-ħniena t’Alla, Mons Martin qal: “Hemm uħud li jħossu li l-Papa qed jipperikola s-sinjifikat tal-liġi ta’ Alla. Imma le. Żgur li l-Papa mhux qed jiċħad il-liġi t’Alla, imma qed ifakkarna li aħna – kemm bħala individwi kif ukoll bħala Knisja – nistgħu nkunu biss messaġġiera tal-liġi t’Alla jekk nirriflettu l-imħabba u l-ħniena tiegħu.