L-Isqof Scicluna se jordna ħames djakni ġodda

Nhar il-Ħadd li ġej se jiġu ordnati ħames djakni ġodda mill-Amministratur Appostoliku Charles J. Scicluna.
Din hija l-ewwel darba li l-Isqof Scicluna se jmexxi ċelebrazzjoni tad-Djakonat wara li nħatar Amministratur Appostoliku tal-Knisja f'Malta fit-18 ta' Ottubru li għadda.
F’quddiesa fis-6:00pm fil-knisja ta’ Raħal Ġdid, Carlo Calleja mill-parroċċa ta’ Stella Maris, Tas-Sliema, Abraham D’Amato mill-parroċċa ta’ San Pietru fil-Ktajjen, Birżebbuġa, Christopher Ellul mill-parroċċa Kristu Re, Raħal Ġdid, Fra Bertrand Vella OFMCap u Mark Joseph Zammit mill-parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien se jkunu ordnati djakni.
Permezz tal-Ordinazzjoni, id-djakni l-ġodda isiru xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd.
Id-dmirijiet tad-djaknu huma li l-ewwel u qabel kollox jiddedika ħajtu għal qadi bl-imħabba fis-servizz tiegħu lejn il-poplu, jassisti lill-Isqof u lis-saċerdoti fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa, l-aktar tal-Ewkaristija, jamministra s-sagrament tal-Magħmudija, jassisti għaż-żwieġ u jbierku, ixandar l-Evanġelju u jippriedkah, u jmexxi funerali.
Il-komunità tas-Seminarju flimkien mal-Aħwa Minuri Kapuċċini ħeġġew lil kulħadd biex jitlob għal dawn id-djakni ġodda u għal żgħażagħ oħrajn li huma msejħa biex jimxu wara Ġesù fil-ħajja saċerdotali jew reliġjuża.