L-Isqof Scicluna: L-imħabba fiż-żwieġ tinbena fuq l-għotja u s-sagrifiċċju

L-Amministratur Appostoliku l-Isqof Charles Scicluna qal li l-kejl vera tal-imħabba ma jridx jibża’ mill-għotja u s-sagrifiċċju; l-għotja tiegħek innifsek lil żewġek jew lil martek u s-sagrifiċċju li dan jitlob minnek.
Fl-omelija tiegħu waqt quddiesa għall-koppji li żżewġu fl-2014, l-Isqof Scicluna qal lill-koppji kif fis-sagrament taż-żwieġ, huma għamlu għażla ċara li jingħataw lil xulxin b’sens kbir u b’kuxjenza kbira tad-dinjità tal-persuna tagħhom, inkluż ta’ ġisimhom.
Spjega kif l-għotja tagħhom infushom lil xulxin ma tikkanċellax il-personalità tagħhom iżda twassal lil kull wieħed u waħda minnhom għall-qofol tal-maturità personali fl-imħabba.
Bl-għażla tagħhom li jiżżewġu quddiem il-Knisja, għamlu wkoll att ta’ fidi li jesprimi ruħu fit-tama u l-imħabba, fit-tama tal-fedeltà esklussiva, fit-tama tad-don tal-ulied, u fl-għotja lil xulxin fl-att tal-imħabba.
Filwaqt li awguralhom ikomplu jikkonfermaw l-għażla tagħhom, l-Isqof Scicluna qal li s-suġġeriment tiegħu hu li mill-quddies tal-Ħadd u t-talb ta’ bejniethom, il-miżżewġin jiġbdu saħħa spiritwali biex ta’ kuljum ikomplu jħobbu tassew lil xulxin, fir-risq it-tajjeb u l-ħażin.
Temm l-omelija tiegħu billi awguralhom ħajja twila, imħabba feliċi, fekonda u li tkun tassew ta’ glorja lill-Mulej li hu mħabba.